fbpx

Omm u iben – Storja miktuba minn Mandy Cilia.

Miktub minn
Reklam

Mara ta’ madwar erbgħin sena dehret wieqfa quddiem rixtellu tal-ħadid. Ma damitx wisq tistenna għax il-bieb infetaħ u sabet ruħha ġewwa f’kunvent tas-sorijiet. Is-soru tbissmitilha dik it-tbissima tas-soltu iżda l-mara ftit tat kas għaliex kienet tinsab anzjuża fuq dak li kellha tgħidilha s-soru. 

‘’Għandi aħbar tajba għalik!’’ Qaltilha s-soru

‘’Sibtuh?!” Staqsiet il-mara fuq ix-xwiek. 

‘’Iva, u jixtieq jiltaqa’ miegħek huwa wkoll’’ Għal dik l-aħbar li tatha s-soru għal ftit ma waqatx mal-art li saħansitra kellha tpoġġi fuq is-sufan biex terġa’ tiġi f’sikkitha. Kellha silta ta’ mistoqsijiet x’tistaqsi u s-soru qratilha moħħha għax kompliet tgħidilha.

‘’Illum ma setax, però għada lest li jiġi hawn u tkunu tistgħu tiltaqgħu jekk dejjem hu tajjeb għalik’’

‘’Tajjeb! Tajjeb ħafna għalija!’’ Il-Passat li għaddiet minnu meta kienet għadha żagħżugħa qatt ma ħalliha kwieta u ma setgħetx temmen li wara dawn is-snin kollha ta’ tiftix għal binha issa kienet waslet biex taqta’ xewqitha.

Kien għad kellha biss sittax-il sena meta nqabdet tqila. Ma kinitx taf x’ħa taqbad tagħmel u sfortunatament il-ġenituri tagħha xejn ma kienu ta’ għajnuna għaliha għax kif kienet tathom l-aħbar bla kliem ta xejn qabdu u tefawha ‘l barra biex tfendi għal rasha. Il-maħbub tagħha wegħedha li ħa jgħinha biex flimkien jagħtu ħajja ġdida lit-tarbija tagħhom imma lanqas dan ma kellu jkun għaliex ftit wara tilef ħajtu fuq il-post tax-xogħol. Ħassitha ħa tiġġennen għax ma kellix fuq min iddu. L-unika triq li setgħet tara hi dik li tagħti lit-tarbija f’idejn is-sorijiet għax hi ma kellhiex biex tieħu ħsiebha u kontra qalbha hekk għamlet. 

Kellha tifel il-ġmiel tiegħu u meta rat li kien ser ikollha tinfired minn ma binha qalbha ħassitha ħa tinqasam. It-tifel ma damx wisq f’istitut għax sab familja li addottatu u kiber f’ġuvni ta’ valuri tajba. Minn dejjem kien jaf li hu kien iben addottat iżda qatt ma wera xi xewqa partikolari li jkun jaf fuq il-familja vera tiegħu. Malli sabuh u qalulu li l-omm naturali tiegħu riedet tiltaqa’ miegħu għall-ewwel tfixkel u ma kienx jaf x’ser jaqbad jagħmel imma mbagħad aċċetta li jiltaqa’ magħha. U sa fl-aħħar il-ġurnata tagħhom kienet waslet. 

Malli ratu dieħel stħajlitu l-maħbub tagħha u  ftakret f’kemm kien iħobbha minkejja li issa għaddew ħafna snin.

‘’Ibni’’ l-unika kelma li ħarġet minn fommha.

Binha resaq viċin tagħha u għannaqha miegħu fil-waqt li ħalliha tgawdi dak il-mument li min jaf kemm kienet ilha tistenna.

‘’Aħfirli ibni, aħfirli talli abbandunajtek imma ma stajtx nagħmel mod ieħor’’Qaltlu hi u tħaddnu magħha. Hu nqala’ minn magħha u ħares f’għajnejha.

‘’Ta xix tridni naħfirlek mamà? Kieku ridt stajt ħlist minni biex tkompli b’ħajtek imma int għażilt li xorta ttini d-dawl. Int kont li tajtni l-ħajja u ta’ dan nibqa’ nafulek għomri kollu’’. 

Għall-kliem ta’ binha nfaqgħet tibki u fil-waqt li reġgħet għannqitu magħha bi mħabba kbira, għalqet għajnejha u rringrazzjat ‘l Alla li fl-aħħar t-talb tagħha kien instema’. 

 

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese