fbpx

Il-wiżgħa, jien u l- …

Miktub minn
Reklam

Fejn mort wiżgħa ċkejkna?

Sa ftit ilu kont toħroġ tittawwalli

minn bejn il-ħajt tas-sejjieħ.

Jew inkella biex tinkini,

tistaħbili wara xi pala tal-bajtar

U toqgħod tidħaq bija,

irqiq, irqiq.

 

Fejn mort issa wiżgħa ċkejkna?

Illum flok il-ħajt tas-sejjieħ

Hawn mostru tal-konkrit

jgħatti x-xemx b’rasu kbira

u kważi jgħaffeġ fuq l-aħħar żewġ bajtriet.

Warajh għandu lil ħuh il-krejn u lil zitu l-gaffa,

mgħannqin flimkien jiddominaw l-orizzont.

 

Fejn mort wiżgħa ċkejkna?

Tgħidlix li għaffġitek iz-zija?

Tgħidlix li kissrulek dahrek

u keċċewk minn dan is-santwarju ta’ sliem?

Jew forsi ġie xi għasfur u tajrek miegħu

lejn post aktar hieni u kwiet?

 

BUM BUM BUM BUM … (sħaba bajda u griża fis-setaħ)

 

X’waħda din, x’ġara?

Dak mhux ħoss ta’ sparatura

 

ta’ kaċċatur qalbien?

Dak mhux ħafna ċomb u rix itir?

 

Sibtek wiżgħa ċkejkna!

Imma milli jidher tard wisq!

Din il-gżira għamiet bit-tlellix dehbien tal-progress

u qed tibqa’ ma tindunax li l-akbar teżor hija int,

wiżgħa ċkejkna, li flimkien mal-insetti, l-annimali

u l-fawna naturali tgħonu lil dan il-pajjiż

bi sbuħija unika u partikolari.

 

Insellimlek għażiża wiżgħa ċkejkna,

grazzi tal-ħbiberija tiegħek u jekk jogħġbok

aħfirli li ma salvajtekx.

Aħfrilna li qed nagħżlu monstru tal-konkrit

flok lilek,

fuq kollox aħfrilna li qed inħallu r-regħba materjali

ta’ ħaddieħor, ittapnilna l-vista, moħħna, qalbna

u t-tama li Malta, xi darba, terġa’

tħaddar mill-ġdid.

Karen Mamo

Karen Mamo

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese