fbpx

Ir-rota tal-elettriku li bidlet ir-raħal

Miktub minn
Reklam

Darba fost l-oħrajn, sabiex iħajjar lin-nies tar-raħal jużaw trasport nadif, is-Sindku ħareġ bl-idea li joffri liċ-ċittadini flus sabiex wieħed ikun jista’ jiskreppja l-karozza tiegħu. Dik il-ħabta, id-dinja kolla bdiet taħseb kif tista’ tnaqqas l-emmissjonijiet li titfa’ fl-atmosfera għaliex id-dinja waslet f’punt li ma tiflaħx aktar. Meta kien qed jaqra fuq l-internet fuq din il-biċċa xogħol, f’ras Bertu xegħlet bozza. Ta’ dik il-biċċa karrakka li kellu s-Sindku (minn flus il-kunsill) kien lest li jagħtih elf u mitejn ewro sabiex hu jeħles minnha. B’dawk l-elf u mitejn ewro seta’ jixtri rota tal-elettriku u jkun jista’ jivvjaġġa minn post għal-ieħor mingħajr inkwiet u bżonn li jniġġes l-arja li wara kollox hu stess ried juża. 

Beda jaħseb u jagħmel il-kalkoli tiegħu. Jiffranka l-liċenzja u l-assigurazzjoni li dejjem jammontaw għal madwar 400 ewro fis-sena. Jiffranka l-petrol li tixrob daqs baħri bl-għatx għall-alkoħol meta jinżel l-art wara xhur sħaħ fuq il-baħar. Jiffranka l-problema ta’ parkeġġ li aktar ma tmur aktar qed tiżdied u jiffranka wkoll il-kliem ħażin li joħroġ minn ħalqu minħabba t-traffiku. Skont ommu, il-kliem ħazin li jsalli waqt li jsib ruħu fit-traffiku għad jikkundannawh għal- eternita’ fl-infern qalb id-dimonji u x-xjaten. Bejnu u bejn ruħu ħaseb li jekk jagħmel din il-bidla apparti li jkun qed jgħin lil pajjiżu iħoll xi ftit dik l-għoqda ta’ dħaħen li għandu, jibqagħlu ammont konsiderevoli ta’ flus li jiffranka minn fuq dik il-karrakka nofs kedda li kellu. Dawwar ħsiebu fuq l-ispejjeż li jkollu jekk iġib rota tal-elettriku minflok il-karozza. Liċenzja u assikurazzjoni? Xejn. Petrol? Żero. Ir-rota taħdem fuq ix-xaħam li beda jitrabba ma’ ġismu kollu. Problema tal-parking? Ma teżistix. Traffiku? Xi ħaġa tal-passat! Probabilment, anke il-ġenna tirbħu għax it-tislijiet li jsalli ħabba it-traffiku, jifrankah kollu! 

L-għada, meta l-familja kollha kienet imdawwra mal-mejda għall-pranzu, tarraf lill familtu bil-pjan tiegħu. 

 

“Int miġnun” qallu mil-ewwel ħuh il-kbir.

“U jekk taqla’ xi daqqa ta’ karozza mhux iġġenninni ibni?” qaltlu ommu.

“Jekk tkun ix-xita x’ħa tagħmel?” staqsieh missieru.

“Jekk tarani u tkun bir-rota tkellimnix għax iġġegħelni nistħi” avżatu oħtu ż-żgħira.

Milli jidher ma tantx huma impressjonati bid-deċiżjoni li ħa. Qallom kemm se jiffranka flus u fuq kif pajjiżhom ma jistax jibqa’ jiddependi biss mill-karozzi għaliex bir-rata li qed jiżdiedu ħa nispiccaw b’kulħadd imwaħħal ġo xulxin fit-traffiku. Il-familja tiegħu qalulu biex jagħmel li jrid, imma avżawħ li ħa jiddispjaċih. 

Id-diskussjoni mal-familja ma qatgħatlux qalbu, għalhekk mar sab liż-żewg t’iħbieb tal-qalb tiegħu u qallilhom bil-ħsieb tiegħu forsi jagħmlulu xi ftit tal-kuraġġ.

 

“U kif ħa tgħabbi xi tfajla Bert? Kun af li mingħajr karozza la tgħannaq u lanqas tbus!” nibxu Toni.

“Bert, isma minni, hawn wisq ġenn fit-toroq” qallu Ian.

“Imma jekk kulħadd jaħsibha bħalkhom u bħal familti, pajjiżna ħa jibqa’ jideppendi mil-karozzi b’konsegwenzi koroh għall-ambjent u għal saħħitna!” prova jirribatti Bertu

Kien kollu ta’ xejn. Għalkemm beda jħossu waħdu kontra id-dinja xorta ma qatax qalbu. L-għada stess mar il-kunsill sabiex iwettaq il-pjan tiegħu. Wara xeba’ formoli u taqtigħ tal-qalb, tagħhom iċ-ċavetta u f’idu żerżqulu ċekk ta’ elf u mitejn euro. Ħassu ferħan ħa jtir li ħeles minn dik il-karakka kollha spejjeż li kellu. 

Kif sab il-flus f’idu, baqa’ sejjer dritt għand il-ħanut tar-roti. Kien ilu snin li immarka r-rota li xtaq jixtri u kull meta kien jgħaddi minn quddiem il-vetrina tal-ħanut, kien jixxennaq u joħlom li xi darba jirnexxielu jakkwistaha. Kellha lewn blu ċar kulur is-sema, roti wisgħajn u bixkilla fuq quddiem.  Kif rikeb ir-rota tal-elettriku ħassu ħieles. Saq mill-ħanut tar-roti sad-dar u għadda minn toroq qalb il-kampanja li kien nesa li jeżistu. Seta’ japprezza aktar lir-raħal waqt li jserrep qalb it-toroq dojoq u mwarrbin, ‘il boghod mid-dħaħen tal-karozzi. Kif wasal id-dar ħa ritratt tar-rota, ippostjah fuq facebook u bħala titlu kiteb – NEW WHEELS, NEW ME – 

 

“Sabiħa ras, imma kif ħa ġġorr l-affarijiet jekk ikollok bżonn?” ikkumentalu ħabib tal-iskola.

“Kemm ħa tibki fit-tlajja” qallu ieħor. Milli jidher dan, m’għandux idea ta’ kif taħdem rota tal-elettriku!

Għaddew ix-xhur u Bertu qatt ma’ ħassu daqshekk kuntent. Għal bidu sabha xi ftit diffiċli jgħaddi mit-toroq ewlenin imma bil-mod il-mod dara’ anke jgħaddi minn qalb il-karozzi fit-traffiku. In-nies tar-raħal kienu jgħiru għalih xħin jarawh iserrep qalb il-karozzi waqt li huma mwaħħlin wara xulxin f’serbut ta’ karozzi twil. Hu minn naħa l ohra kien idoqqilhom il qanpiena, jitbissmilhom, iselmilhom ħafif, ħafif u jibqa’ għaddej kuntent u ferħan. 

Wara l-għira tan-nies tar-raħal, bdiet tidħol il-kurżita hekk kif Bertu beda jippostja fuq facebook li mir-raħal sal-universita’ kien jasal biss fi kwarta waqt li huma, bil-karozza, idumu minn tal inqas siegħa fit-traffiku qalb id-dħaħen u l-kliem ħazin. Wara ftit tax-xhur, ħuh il-kbir qabżitlu fit-traffiku u għalekk biegħ il-karozza u investa f’rota bħal ta’ Bertu. 

Għaddew sentejn minn meta Bertu xtara ir-rota u ħafna minn nies tar-raħal tħajjru u investew f’rota huma wkoll. Is-Sindku tar-raħal kien fis-seba’ sema li l-iskema li ħoloq irnexxiet, għalhekk iddeċieda li jinvesti aktar f’infrastruttura li takkomoda aktar lir-roti milli l-karozzi. Il-pjazza tar-raħal ingħalqet ghall-vetturi u minflok karozzi ipparkjati bl’addoċċ, issa ssib siġar, restoranti bl-imwejjed barra u tfal jiġru fit-triq bla biża. L-arja tjiebet drastikament u dawk li kienu jbatu b’mard respiratorju ħadu r-ruħ. It-traffiku u l-problema tal-parkeġġ mietu mewta naturali.

U Bertu ħassu eroj. Ommu m’għadiex tinkwieta għaliex issa bis-saħħa tal-miżuri li ħa s-Sindku, il-karozzi naqsu sew. Lill-missieru urih li fix-xita jista jilbes ilbies protettiv u ma’ jkollux problemi li ħa jixxarab. Oħtu m’għadiex tistħi xħin tarah bir-rota, anzi issa qed tħossa kburija li ħuha kien il-moħħ wara din il-bidla radikali fir-raħal. Biex iġorr l-affarijiet ma’ kienetx problema għaliex fuq wara tar-rota ramalha karru li jintrama meta ikun hemm bżonn. Saħansitra darba anke ċilindru tal-gass irnexxielu jġorr! 

Eħ u bil-ħaqq, lil Toni tah risposta ukoll għaliex għabba l-aktar tfajla ħelwa fir-raħal kollu!

Steve Seguna

Steve Seguna

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese