fbpx

Il-Maskra – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Fil-Ballu tal-karnival kien rahha għall-ewwel darba.

Kien is-Sibt tal-karnival u filgħaxija kien mistieden f’ballu ma’ xi ħbieb minn tiegħu.
Ma kellux aptitu u dam sal-aħħar itella’ u jniżżel jekk għandux imur jew le imma mbagħad iddeċieda li jattendi. Mar ilesti u wara li libes il-kostum telaq għal sieħbu. Malli waslu marru sabu rokna tajba għalihom u bdew jixorbu flimkien.
Kienu ilhom fuq siegħa hemmhekk u kien qed jaħsibha jitlaqx ‘l hemm għax xejn ma kien qed jieħu gost.

F’ħin minnhom ġab skuża lil sħabu u ħareġ sal-ġnien waħdu biex jieħu ftit arja għaliex l-atmosfera ta’ ġewwa bdiet iddejqu. Kif ħareġ ħa nifs qawwi u mar ipoġġi fuq bank tal-ġebel u wara xi kwarta li kien ilu hemm barra, jara koppja faċċata tiegħu jargumentaw. Ir-raġel beda jgħajjat magħha u jippunta subgħajh ma wiċċha mbagħad imbuttaha u telaq il’ ġewwa. Wara ftit poġġiet bilqiegħda u bdiet
tibki. Kif ra dik ix-xena, qam minn fuq il-bank u mexa lejha biex jara għandix bżonn xi ħaġa.

Malli wasal ħdejha, tbaxxa u ħares f’għajnejha. Kienet liebsa maskra u ma setax jara wiċċha kollu imma donnu xi ħaġa ġibditu lejha. Kien hemm pawsa għal ftit sekondi mbagħad qalilha‘’Nista’ ngħinek b’xi mod?’’ Ma weġbitux imma ħarset f’għajnejh u demgħa żżerżqet minn taħt il-maskra. Mingħajr ma ħasibha darbtejn tawwal idu biex ineħħilha l-maskra minn ma wiċċha u hekk kif ħares lejha, issaħħar lejn ġmielha.

‘’Trid nimxu ftit forsi tħossok aħjar?’’ Filwaqt li qam bilwieqfa u ppreżentalha idejh. Mingħajr ma ħasbitha darbtejn qabditlu idejh u bdew mexjin. Damu jitkellmu mhux ħażin u sar jaf li kienet għadha kif ħassret minn mal-għarus tagħha wara tliet snin għerusija. Fil-ħin li dam magħha ħassu qisu ġo dinja oħra, dinja isbaħ milli jgħix fiha hu. Induna li din it-tfajla kellha xi ħaġa speċjali, bħal donnha għamlitlu seħer malli rahha.

Minn dak il-jum għaddew sitt snin. Illum kien fuq ix-xwiek aktar mis-soltu biex jaraha iżda din id-darba ma kinitix ser tkun bil-maskra, imma bil-mant u l-libsa l-bajda għaliex sa fl-aħħar kienet waslet il-ġurnata tagħhom, il-ġurnata fejn ser isiru ta’ xulxin għal dejjem.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese