Beda s-sajf u ma tridx wisq li daqt nisimgħu b’xi mewġa ta’ sħana.Dan ifisser li trid protezzjoni mix-xemx, tixrob ħafna aktar ilma, u tbgħati biex torqod. Sakemm m’għandekx air condition!
Ilkoll nafu l-periklu li tikkawża x-xemx – ħruq, ħsara permanenti fil-ġilda u xjuħija.
Imma kont taf li mewġa tas-sħana tista’ fil-fatt tikkawża wkoll xi benefiċċji għas-saħħa?Ix-xemx, f’doża żgħira, tista’ tkun ta benefiċċju għas-saħħa fiżika u mentali tagħna.
Vitamina D
Ix-xemx ittina l-vitamina D. Din issaħħaħ l-għadam u ġġib karnaġġjon naturali fil-ġilda. Din il-Vitamina hija saħansitra relatata ma’ telf ta’ xaħam fiż-żaqq. Skont studju, iktar ma jkun għoli l-livell ta’ din il-vitamina qabel ma jinbeda pjan għat-tnaqqis fil-piż, iktar ikun probabbli s-suċċess.
Burdata tajba
Id-dawl tax-xemx itejjeb il-burdata. Dan jirilaxxa s-serotonin u ormoni oħra, magħrufa bħala endorphins. Dawn huma assoċjati ma’ kalma, inqas depressjoni u burdata tajba.
Irqad fil-fond
Id-dawl tax-xemx jibgħat messaġġ lill-glandola pineali tal-moħħ. B’dan il-messaġġ tingħalaq il-produzzjoni tal-melatonin, ormon li jgħin fl-irqad.
Pressjoni baxxa
Riċerkaturi tal-pressjoni tad-demm fl-Università ta’ Edinburgh sabu li Nitric Oxide (li jgħin biex titnaqqas il-pressjoni), jiġi rilaxxat fil-vini tad-demm ladarba d-dawl tax-xemx imiss il-ġilda. Billi tbaxxi l-pressjoni, ix-xemx tnaqqas ukoll ir-riskju ta’ puplesiji u attakki tal-qalb.
Ħu ħsieb
Evita li tkun barra bejn il-11am u 16:00, ixrob l-ilma, ilbes ilbies protettiv u uża kremi addattati b'50+ SPF.