fbpx

Reunion – Storja miktuba minn Mandy Cilia.

Miktub minn
Reklam

Claire kienet qiegħda fil-kamra tas-sodda tirranġa xagħarha. Bdiet tlesti biex toħroġ għax kellha reunion ma’ sħabha tal-iskola li uħud minnhom kienet ilha ma tarahom is-snin, għalhekk kienet eċitata ferm biex terġa’ tiltaqa’ magħhom. Biss fil-fond ta’ qalbha l-aktar li xtaqet tmur minħabba  dak il-ġuvni li snin ilu kienet iġġennet għal warajh. Kellha kurżità kbira biex tara x’sar minnu.

Il-Ħsibijiet taru kif il-bieb tal-kamra nfetaħ u ħdejha daħal żewġha. Qamet minn bilqiegħda, tatu bewsa ħafifa u niżlet isfel biex titlaq. Ma kellix triq twila u malli waslet ħassitha ħuta barra mill-ilma għax kienet għadha m’għarfet lil ħadd. Ftit wara rat żewġt iħbieb li malli għarfu lil xulxin marru jitgħannqu u jifirħu b’xulxin. Ġabu x’jixorbu u bdew jitħaddtu fuq żmien l-iskola u l-praspar li kienu jagħmlu.

Kienet ilha fuq siegħa hemm u tgħidx kemm iltaqgħet ma’ ħbieb milli kellha imma donnu dak li kienet qed tfittex ma kienx hemm. Reġgħet marret iġġib tixrob imbagħad marret sal-kamra tal-banju ma’ ħabibitha.

‘’Inti Claire?’’ Semgħet leħen minn warajha. U kif daret issibu hemm ma’ wiċċha b’dik it-tbissima li kienet serqitilha qalbha snin ilu. Għalkemm kien tbiddel u deher aktar matur fid-dehra tiegħu xorta waħda baqa’ sabiħ kif dejjem ratu.

‘’Int Claire hux? Jien Ray mhux qed tagħrafni?’’ Reġa’ staqsiha.

‘’Iva Claire jien, skużani imma m’għaraftekx mall-ewwel’’ Gidbitlu.

‘’Kif int? Noffrilek x’tixrob, ara ma tgħidlix le’’

‘’Bil-qalb kollha’’ U mingħajr ma ħasbitha darbtejn skużat ruħha ma’ ħabibitha u marret miegħu. Ħarġu sa barra biex joqgħodu jitkellmu għall-kwiet.

‘’Xejn ma nbdilt Claire, għadek sabiħa bħal qabel’’

‘’Ma nibdewx Ray. Jien issa mara miżżewġa u m’għadniex libera kif kont’’

‘’B’daqshekk? Aħna nitkellmu qegħdin ta’ żewġt iħbieb antiki’’ Wara ftit reġa’ ġabilha x’tixrob u baqgħu sejrin hekk sakemm ix-xorb beda tiela’ għal rasha.

‘’Allura Claire, m’erġajt ħassejt xejn x’ħin rajtni?’’ Qalilha kif resaq viċin tagħha.

‘’Agħlaqlu Ray! Int qatt ma ridtni, kont tużani  meta ma kien ikollok lil ħadd u jien il-belha dejjem waqajt għalik. Terġax tipprova’’ Imma hu mingħajr ma ta ċans tkompli qabdilha wiċċha u qabad ibusha. Għall-bidu  ppruvat tirreżistih imma bejn ix-xorb li kellha f’rasha u bejn tant kemm kienet ilha tixtiequ, kompliet miegħu u minn hemm spiċċaw jitqelbu fil-karozza tagħha.

Xi l-erbgħa ta’ filgħodu stenbħet u ndunat li raqdet  fil-karozza. Qabadha paniku sħiħ x’ħin bdiet tiftakar x’għamlet u tbikkmet kif ftakkret li ttradiet lil żewġha. Ray għall-darb’oħra kien reġa’ użaha u ramiha. Saqet lejn id-dar u kif waslet sabet lil żewġha jistenniha fuq ix-xwiek.

‘’Kemm inkwetajtni, ħsibtu li ġralek xi ħaġa!’’ Qalilha kif raha quddiemu.

‘’Xrobt ftit u ma ħassejtnix sew u rqadt ftit fil-karozza’’

‘’Darb’oħra ċempilli u kont niġi għalik. L-aqwa li int orrajt għażiża tiegħi, issa mur ġos-sodda ħa nagħmillek xi ħaġa’’ U kif biesha mar dritt fil-kċina.

Qatt ma kellha l-kuraġġ tgħidlu dak li għamlet f’dik il-lejla għalhekk żammet kollox mistur minnu għax ma riditx titilfu jew tweġġgħu. Lil Ray ma reġgħetx ratu biss qatt ma nesitu jew ħasset stmerrija lejh ta’ dak kollu li għamlilha. Dejjem ittamat li xi darba għad terġa’ tarah.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese