Jista’ jkun li dawk kollha ta’ madwarna u l-affarijiet kollha tad-dinja, jiġifieri l-art ta’ taħt saqajna, is-sema ta’ fuq rasna, u kif ukoll ġisimna u moħħna mhumiex ħlief illużjoni elaborata? Jista’ jkun li d-dinja tagħna mhix ħlief simulazzjoni realistika fejn aħna m’aħniex ħlief karattri f’din l-ispeċi ta’ video game?

Din it-teorija ilha tberren f’moħħ il-filosofi għal mijiet ta’ snin tant li l-filosofu Franċiż René Descartes darba qal, “jista’ jkun li bħalissa jien qed noħlom u l-perċezzjonijiet tiegħi huma kollha foloz”. Din l-ipoteżi reġgħet ingħatat il-ħajja fis-snin ‘70 mill-filosofu Nick Bostrom. F’wieħed mill-istudji tiegħu, Bostrom stqarr li hemm 20% ċans li fil-fatt, aħna m’aħniex ħlief pupazzi f’idejn kreatur li jikkontrolla dak kollu li naħsbu, li nagħmlu u li jiġri madwarna f’dan l-univers artifiċjali li ninsabu fih.

Jista’ jkun li aħna m’aħniex konxji li qed ngħixu f’univers artifiċjali minħabba l-fatt li ġejna maħluqin mingħajr il-ħila li nindunaw li qed niġu kkontrollati minn forza akbar minna b’intelliġenza li tmur lil hinn minn tagħna. Allura kif nistgħu nikkonfermaw li jista’ jagħti l-każ li aħna verament qed ngħixu f’simulazzjoni? Skont l-imprenditur teknoloġiku Elon Musk, jekk inħarsu lejn video games ta’ 40 sena ilu u nqabbluhom ma’ dawk tal-lum, nistgħu faċilment naraw li dawn għamlu avvanzi kbar. Hu kompla billi jgħid li jekk inkomplu sejrin b’dan ir-ritmu, jista’ jagħti l-każ li tant kemm dawn il-logħob isiru realistiċi li anqas biss inkunu kapaċi nindunaw jekk dak li qed naraw quddiemna huwiex reali jew le.
Jista’ jkun li għal xi wħud din tinstema’ assurda, iżda min jaf?
