fbpx

Il-Festa. Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba.

Miktub minn
Reklam

IS-SOĊJETA’ MUŻIKALI MADONNA TAL-ĠILJU TAL-IMQABBA

Is-Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju tal-Imqabba twaqqfet uffiċċjalment fis-sena 1911 mis-Sur Paolo Caruana bil-għan li torganizza ċ-ċelebrazzjonijiet esterni marbuta mal-festa tal-Madonna tal-Ġilju li jsiru ta’ kull sena fl-Imqabba.

Oriġinarjament bl-isem ta’ “Circolo Pio X”, is-soċjeta’ mużikali Madonna tal-Ġilju hija dixxendenza diretta tal-Konfraternita’ tal-Immakulata Kunċizzjoni, mwaqqfa Kanonikament ġewwa l-Imqabba nhar id-29 ta’ Jannar 1772 mis-saċerdot Bormliż Dun Giacomo Tortella.

Il-qasam tal-logħob tan-nar, minn dejjem kien sinonimu mal-festa tal-Madonna tal-Ġilju. Infatti, l-ewwel referenza dokumentata għall-piroteknika fl-Imqabba, insibuha fil-festa tal-Madonna tal-Ġilju tal-1876, is-sena fejn propju waslet għall-ewwel darba ġewwa l-Imqabba il-vara artistika u devota tal-Madonna tal-Ġilju, xogħol l-istatwarju mill-Isla Giovanni Darmanin.

Fiż-żmien bikri tat-twaqqif tas-soċjeta’, nbdiet ħidma ntensiva f’dak li għandu x’jaqsam mal-armar ta’ barra fejn fil-bidu tas-snin 20 tas-seklu l-ieħor naraw l-inawgurazzjoni tal-pedestall tal-vara l-kbira, sett trofej, sett ta’ tnax-il anġlu għal mal-Knisja, l-istatwa ta’ Malta u dik tal-Papa Piju X fost oħrajn.

Kapitlu ikraħ fl-istorja tas-soċjeta’ beda’ fl-1935 mal-Konċilju Reġjonali li sar bil-għan li jeqred għal kollox il-festi hekk imsejjħa sekondarji li mpona restrizzjonijiet ħorox fosthom li l-armar estern ikun limitat biss għall-pjazza. Din is-sitwazzjoni damet għal erbgħin sena sħaħ fejn finalment fl-1975 ħarġu l-permessi biex it-toroq kollha tar-raħal jintramaw għal dawn il-Festi. Fis-sena 1939 isem il-każin inbidel għal “The Lily Club”.

Mingħajr l-ebda dubju, l-Imqabba ma skappatx il-ħerba li ġabet magħha it-Tieni Gwerra Dinjija, fejn saħansitra fl-attakk tad-9 t’April 1942, il-koppla tal-Knisja Parrokkjali u l-kappellun tal-Immakulata Kunċizzjoni sfaw totalment meqruda. Il-vara tal-Madonna tal-Ġilju ntradment kompletament taħt it-tifrik, iżda b’xorti tajba, sofriet ħsarat minimi.

Fis-sena 1964, l-Għaqda tan-Nar fi ħdan is-Soċjeta’, lestiet il-bini tal-post tan-nar il-ġdid li kien wieħed aktar organizzat u tajjeb għan-neċessitajiet ta’ dak iż-żmien. Il-ħajja mhux dejjem ward u żahar u fil-fatt, is-Soċjeta’ għaddiet minn mumenti ta’ dieqa kbira minħabba inċidenti fatali marbuta ma’ dan id-delizzju. Dawn seħħew fl-1929, 1955, 1969 u 1997.

Fl-1993 twieldet l-ewwel Sezzjoni Żgħażagħ fl-Imqabba.

Fis-sena 2000, saret amenda fl-isem għal “Soċjeta’ Mużikali Madonna tal-Ġilju” u “Banda Madonna tal-Ġilju” u ġiet disinjata arma ġdida li tirrifletti aħjar dawn l-ismijiet. Din is-sena wkoll tibqa’ tfakkar meta delegazzjoni mis-Soċjeta’ u l-Fratellanza kellhom udjenza mal-Papa ta’ dak iż-żmien San Ġwanni Pawlu II ġewwa l-Vatikan.

Fl-2008, l-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju ġiet inkurunata bħala rebbieħa assoluta tal-Festival Nazzjonali tal-logħob tan-Nar tal-Art Mekkanizzat fuq il- Fosos tal-Floriana. Fl-2010 ġie mniedi l-proġett kolossali tat-twaqqiegħ u bini mill-ġdid tas-sede tas-Soċjeta’. Sena mpenjattiva oħra kienet l-2011 fejn ġie mfakkar l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tas-Soċjeta’. Saru bosta attivitajiet fuq skala nazzjonali fosthom is-Seminar dwar il-Festi Maltin u kif ukoll Akkademja Mużiko-Letterarja fil-Knisja Parrokjali. Unur ieħor ġie f’din l-istess sena propju lejlet il-Festa fejn l-Għaqda tan-Nar Madonna tal-Ġilju naqqxet isimha fil-Guinness Book of World Records permezz tal-ħruq tal-akbar reddiena fid-dinja.

Fis-sena 2012, b’rabta mal-istess anniversarju, s-Soċjeta’ nidiet il-ktieb akkademiku “Sicut Lilum: Devozzjoni u Ritwal tul is-Sekli” editjat mill-istoriku Mqabbi Charles Farrugia. Dan il-ktieb ikkwalifika fost ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb f’Novembru 2013. Fl-istess sena ġiet inawgurata statwa tal-Madonna tal-Ġilju għall-ġnien tal-bypass tal-Imqabba. Din tnaqqxet mill-iskultur Imqabbi Antoine Farrugia minn ġebla maqtugħa mis-sotterran tal-Każin.

Avvenimenti ta’ mportanza tul is-snin riċenti kienu jittrattaw kuntatti li ġew stabbiliti ma’ diversi postijiet barra minn xtutna fejn tiġi ċċelebrata l-Festa tal-Madonna tal-Ġilju. Ewlieni fost dawn huwa l-villaġġ Taljan ta’ Anticoli Corrado fil-Provinċja ta’ Ruma. Matul din is-sena saru żjarat reċiproki fl-Imqabba u Anticoli Corrado minn delegazzjonijiet tal-organizzaturi taż-żewġ Festi. Fi tmiem dan l-artiklu li żgur ma kienx possibli li jinkludi storja glorjuża ta’ aktar minn seklu, nirringrazzjaw lil missirijietna li tant stinkaw biex ikun possibbli li l-Festa tal-Madonna tal-Ġilju fl-Imqabba ssib postha fost l-ewlenin f’pajjiżna.

Jekk int parti minn kumitat u trid li nġibu anke l-festa tiegħek, kellimna.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese