fbpx

Narak għada – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

‘’Narak għada’’ Qaltlu hekk kif qatgħet il-linja iżda għal din it-tfajla l-għada ma wasal qatt!

Kollox beda minn sena qabel meta ħajjet Rachel inqalbet ta’ taħt fuq. Missierha kien inqabad jittraffika ammont kbir ta’ droga u kien wasal il-jum li fih kellha tinqatagħlu s-sentenza. Filgħodu marret l-iskola għax kellha eżami mportanti iżda moħħha ma kienx hemm. Malli lestiet telqet b’kemm kellha saħħa lejn id-dar. Kif waslet sabet lil ommha tibki fuq l-għatba tal-bieb bin-nies tat-triq jippruvaw isabruha u ndunat li s-sentenza ma nqatatx favur missierha.

Kien weħel għaxar snin ħabs b’multa fenomenali. Martu ma setgħetx issib sabar bl-inkwiet kollu li sabet ruħha fih u spiċċat kważi tilfet rasha. Ta dsatax-il sena Rachel ma kinitx taf fejn ħa taqbad tagħti rasha bl-inkwiet tal-ġenituri tagħha. Lil missierha baqgħet qatt ma ħafritlu talli kisser familja. Kellha tieqaf mill-iskola u ssib xogħol imma xejn ma kien faċli għaliha għax kull fejn tmur kienet tħoss lil kulħadd jgħid fuqha u ma kinitx tmur imqarqa.

Ma kellhiex ma min tiftaħ qalbha għax sħabha li xi darba kienu jħobbuha telquha wkoll. Kien fadlilha biss ħabib wieħed u miegħu kienet tistqarr dak kollu li kienet tħoss. Spiċċat biex waqgħet fil-vizzju tad-droga hi stess u fi ftit xhur ma kinitx taf tikkontrolla lilha nnifisha. Seħibha kien jiftħilha għajnejha imma hi kienet tgħidlu ‘’Mhux ħabba missieri ninsab f’dan kollu? Issa qed nixtri u nieħu d-droga jien ħalli jkun jaf x’iġifieri meta kien ibigħha lil ħaddieħor’’.

Waslet fi stadju li ma setgħetx tkompli sejra hekk għax ħajjitha bdiet tkissirha bil-mod il-mod u għalhekk talbet l-għajnuna ta’ seħibha u dan wegħda li ser jgħinha. Sa fl-aħħar kienet waslet biex tibda l-programm biex tiġġieled kontra l-vizzju tad-droga. Fejn is-sodda lemħet xi pilloli li kienet xtrat ftit jiem qabel u dlonk qabdet u belgħathom ‘’Dawn tal-aħħar minn għada daqshekk droga! Għada ser nibda’ paġna ġdida f’ħajti u din id-darba beħsiebni nkun soda’’ qalet bejnha u bejn ruħha. Ftit wara daqqilha l-mowbajl u weġbitu.

‘’Kif int Rach? Kuraġġ għal għada! Ejja ħa narak b’dik it-tbissima li dejjem kellek’’ Qalilha seħibha.

‘’Grazzi ta’ kollox Matthew, nispera jien ukoll. Kont ser nidħol norqod’’ Weġbitu.

‘’Kompli mela ħalli għada tqum b’saħħtek. Narak’’

‘’Narak għada’’ U qatgħet il-linja. Iżda għal Rachel l-għada ma wasal qatt  għax meta ommha marret tqajjimha sabet li bintha kienet mietet matul il-lejl b’doża eċċessiva.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese