Kull meta l-album tar-ritratti jiġi f’idha kienet terġa’ tiftakar f’mumenti iebsa mill-passat tagħha. Mumenti fejn ħasbet li ma kinitx b’saħħitha biżżejjed biex tegħlibhom. Kollox beda meta hi u żewġha bdew jippruvaw għat-tfal.
Ma setgħet tinqabad b’xejn. Għall-bidu ftit tat kas imma meta bdew jgħaddu s-snin u baqgħu bla tfal bdiet ittiha ġewwa. Biddlu bosta professuri biex jaraw x’hemm ħażin u għaliex ma setgħetx tinqabad tqila imma wara kull riżultat li kien ikollhom dejjem kienu jgħidulhom l-istess kliem. Ma kellhom xejn ħażin għalhekk dejjem kienu joħorġu minn hemm ġew b’tama ġdida li forsi li jmiss għad tinqabad. iżda mbagħad sfortunatament ma kien jirriżulta xejn.
Qabbditha depressjoni u kienet tibki lejl u nhar għax ma riditx taċċetta l-fatt li lilhom Alla ħallihom bla tfal. Żewġha kien jipprova jsabbarha kemm jista’ iżda ma tantx kien jirnexxielu. Lanqas baqgħet toħroġ barra biex tagħmel il-qadi ta’ kuljum u meta ommha staqsietha għala qed iġġib ruħha hekk it-tweġiba tagħha kienet;
‘’Għaliex noħroġ barra, biex joqgħodu jwaqqfuni u jsaqsuni meta beħsiebni jkolli t-tfal? Kemm ser indum nigdeb u ngħidilhom li għalissa għadu mhux il-waqt. Fl-aħħar ser jindunaw’’
‘’Dik mhi affari ta’ ħadd binti, ittihomx sodisfazzjon għax jekk toqgħod tagħti kas in-nies int ser tinfena mhux huma’’ Imma xejn ma sewa kliem ommha għax id-dar kienet u d-dar baqgħet.
Darba żewġha staqsiha biex jaddottaw tarbija imma hi beżgħet għax ħasbet li ma tkunx kapaċi tħobbha daqs li kieku kienet demmha. Mal-ewwel indunat li kellha żball oħxon għax malli t-tarbija kienet tagħhom intilfet warajha tant li ma baqgħetx tagħti kas il-problema li ma setax ikollha t-tfal. Ħasset li kellha skop ġdid f’ħajjitha u sa fl-aħħar reġgħet bdiet tħossha kuntenta.
Tliet snin wara ħadet l-akbar sorpriża ta’ ħajjitha. It-tabib li kellha quddiemha beda jifirħilha li ser issir omm filwaqt li hi baqgħet iċċassata tħares lejh. Lanqas setgħet temmen dak li beda jgħidilha. Qatt ma nesitha dik il-ġurnata meta ħarġet mill-isptar tħaddan lit-tarbija magħha. Hekk kif waslet id-dar sabet festin żgħir għaliha organizzat mill-familja tagħha u hemmhekk ħadet ritratt flimkien ma’ żewġha u ż-żewġ uliedhom.
Bla ma riedet bdiet tmelles dak ir-ritratt li tant ġabilha memorji lura ta’ ħafna snin ilu. F’ħin minnhom ċempel it-telefown u hekk kif weġbitu telqet ir-ritratt minn idha u ħarġet tiġri mill-kamra tgħajjat lil żewġha. Bintha kien għadu kif kellha t-tarbija u sa fl-aħħar hi kienet saret nanna.