Tislima lil dan il-bniedem li għex b’umiltà u fis-sempliċità u żamm sod fil-fidi.
Ġorġ Zammit. Avukat, poeta u awtur.
Imwieled Ħal Qormi, bin Ġorġ Zammit u Ludkarda. It-tielet minn erba’ aħwa.
Wara l-matrikola kompla jistudja fl-Università Rjali ta’ Malta. Billi ħass il-vokazzjoni biex isir qassis mar Ruma biex ikompli jistudja fl-Università Gregorjana. Aktar tard telaq il-kors tas-saċerdozju u sar avukat.
Kien ukoll għalliem tal-Ingliż, it-Taljan u l-Latin fil-Liċeo.
Għallem ukoll il-letteratura u t-Taljan fis-Seminarji, kemm ta’ Malta kif ukoll ta’ Għawdex, fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi u kien ukoll lecturer tal-Malti fl-Università Rjali ta’ Malta.
Kont taf li fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, għamel xi żmien jaħdem bħala Spettur tal-Pulizija?
Ġorġ, kiteb għadd kbir ta’ poeżiji bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. Kiteb ukoll ir-rumanz ‘Ix-Xhud li ma Deherx’. Li huwa l-uniku rumanz li kiteb Ġorġ. Dan ġie ppubblikat għall-ewwel darba fl-1964 u nkiteb fi żmien meta f’Malta kien hawn taqlib kemm soċjali kif ukoll politiku.
Ħoloq ukoll l-aktar żewġ personaġġi magħrufa mal-Maltin – Wenzu u Rożi u l-praspar marbutin ma’ ħajjithom u ma’ dawk ta’ madwarhom.
Ġorġ Zammit jitqies bħala poeta tradizzjonali u wieħed mill-poeti romantiċi Maltin.
Int marbuta m’egħruq qalbi Malta tiegħi. Bħalek m’hemmx: Ftit il-jiem li fuq sbuħitek ma tiddix dijet ix-xemx.
Kien ipitter, jimmudella bit-tafal u jaħdem iċ-ċeramika.
Miżżewweġ lil Carmelina u kellhom żewġt ibniet: Celine u Marquita.
Ġorġ Zammit miet fil-21 ta’ Lulju, 1990. Propju bħall llum 30 sena ilu.