fbpx

Is-Sentenza – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Hekk kif il-maġistrat qara s-sentenza ħass rasu ddur bih. Ma setax jemmen li minn hemm ġew kien sejjer dritt il-ħabs fejn kellu jiskonta sentenza ta’ erba’ snin. Kif dar biex joħroġ jara lil ommu u lil missieru jibku b’qalbhom maqsuma għax kienu ser jinfirdu minnu u lanqas felaħ iħares f’għajnejhom. Dawk li ħabbewh b’imħabba kbira, rabbewh fl-akbar f’għożża u dejjem raw li ma jonqsu xejn issa kien naqashom bi kbir. Kienu jwissuh tgħidx kemm biex ma jagħmilx ġennati iżda hu qatt ma ta widen għall-kliem tagħhom avolja kien jaf li kull ma jgħidulu dejjem kien ikun għall-ġid tiegħu.

‘’Għażiż ibni x’għamiltilna! Kif ser noqgħod b’sabbri meta naf li ser tkun maqful hemm ġew?’’ Qaltlu ommu kif wasal ħdejha. Ma felaħx iweġibha lura. Missieru baqa’ jħares lejh b’ħarsa soda mbagħad għamel sinjal lil martu biex joħorġu minn hemm ġew. Kien jaf li jridu jgħaddu x-xhur jekk mhux is-snin biex forsi jaħfirlu.  

Iżda issa kien tard wisq għax ma seta’ jbiddel xejn minn dak li għamel. Il-kumpanija ħażina li kien qabad qabditlu l-vizzju tas-serq u l-flus sbieħ li kien jaqla’ mingħajr ma jbati kienu jogħġbuh. Ġieli ttanta jbiddel ħajtu imma mbagħad wara kull serqa kollox kien itir mar-riħ. Din id-darba nqabad fil-fatt u kollox kien kontrih. Kif ħarġuh mill-qorti u sab ruħu barra mmanetjat quddiem ħafna nies xtaq l-art tibilgħu bil-mistħija.

‘’Jaħasra kif ġabhom f’ilsien in-nies lill-ġenituri tiegħu’’

‘’Ħalluh ħa jmur fejn jixraqlu għax dak ta’ periklu għas-soċjetà’’ 

Ma felaħx jisma’ aktar kliem bħal dan meta f’daqqa waħda ħass rasu ddur bih u ntilef minn sensih. Kif ġie f’tiegħu u ftakar f’dak kollu li għadda minnu ħares ħarsa madwaru bit-tama li dik kienet biss ħolma kerha u  li kien jinsab id-dar ġo kamaratu. Iżda dan ma kinx minnu għax mal-ewwel intebaħ li kien jinsab fiċ-ċella magħluq bejn erba’ ħitan fejn hemm kellu jiskonta s-sentenza ta’ erba’ snin.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese