fbpx

It-Tabib – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Tfajla ddaħħlet l-isptar b’emerġenza. Kienet waslet biex twelled it-tarbija u f’ħin bla waqt tfaċċaw xi kumplikazzjonijiet. Il-ġenituri tagħha li kienu qed jistennew barra ma kellhomx sabar ipoġġu bilqiegħda u bdew jippassiġġaw ‘l hemm u ‘l hawn. Ftit tal-ħin wara jaraw tabib żagħżugħ riesaq lejn il-kamra fejn kien hemm binthom. Marru jiġru għal fuqu biex jaraw kellux xi aħbar fuqha.

‘’Dott, għandek xi aħbar jew għad m’hemm xejn?’’ Qallu l-missier.

‘’Ser nidħol ħdejha issa għax għandhom bżonni, tinkwietawx kollox ħa jmur sew’’

‘’Kif nista’ ma ninkwietax meta diġa kellha korriment ta’ tarbija oħra?’’ Qallu l-missier bil-ħatfa.

Imbagħad qabżet l-omm u qaltlu ‘’Taf kemm ilha hemm ġew binti, kif ġejt issa?’’

It-Tabib sforza tbissima u qalilhom ‘’Kelli każ ieħor ta’ emerġenza u kif lestejt bqajt ġej dritt hawn. Ara sinjura mur poġġi bilqiegħda u ħalli f’idejna, bintkom ser tkun tajba u jekk Alla jrid anke t-tarbija tagħha imma issa ser nidħol għax qed naħli ħafna ħin prezzjuż. Bintkom għandha bżonni’’

U daħal fil-kamra mingħajr ma tahhom ċans li jerġgħu jagħmlu xi mistoqsija oħra. Il-missier tfantas u kif poġġa bilqiegħda qal ‘’Ġie mgħaġġel issa! U żgur mhux bintu hemm fil-kamra tissielet biex twelled it-tarbija!’’

Wara siegħat ta’ taqtigħ il-qalb binthom welldet u kellha tifel il-ġmiel tiegħu. Hekk kif it-tabib ħareġ mill-kamra sellmilhom ħafif ħafif u baqa’ sejjer.

‘’Ara ftit lanqas biss indenja ruħu jkellimna. Kemm hu arroganti!’’ Ilmenta l-missier. L-infermiera għamlitilhom is-sinjal biex jidħlu fejn binthom li kienet imqajma bit-tarbija fuqha.

Il-Ġenituri tagħha marru jiġru għal fuqha biex jgħannquha magħhom.

‘’Kif int binti?’’ Qaltilha ommha.

‘’Muġugħa ma imma grazzi għal dak it-tabib nista’ ngħannaq lil dan il-ġojjel miegħi. Kien hu li salvah’’ Filwaqt li ħarset lejn binha u bisitu.

‘’Iva, rajnih ħiereġ mill-kamra imma kemm sellmilna u baqa’ sejjer’’ Qalilha missierha.

Għajnejn it-tfajla mtlew bid-dmugħ u hekk kif ħarset lejn il-ġenituri tagħha qaltilhom ‘’Qabel ġie ħdejja biex jgħin fl-operazzjoni kien f’operazzjoni oħra. Daħlet martu l-isptar biex bħali hi wkoll twelled. It-tarbija salvat imma sfortunatament martu baqgħet sejra d-dinja l-oħra. Issa mar ħdejn bintu biex għall-ewwel darba jgħannaqha miegħu’’.

Għar-rakkont ta’ bintha l-omm spiċċat tibki magħha u l-missier b’dispjaċir fuqu niżżel rasu l-isfel u ma tkellimx.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese