Mintoff, jew kif kien magħruf l-iktar bħala “il-Perit”, twieled f’Irish street, Bormla fis-6 t’Awwissu 1916.
Ħa l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola tan-nuna ta’ Bormla stess u spiċċa l-universita’ ta’ Malta fejn iggradwa fil-Baċċellerat fix-xjenza, Perit u inġinier ċivili. Irċieva borża ta’ studju ta’ Rhodes u għamel l-istudji tiegħu f’Hertford College u Oxford fejn irċieva l-masters fix-xjenza u l-inġinerija.
Kien miżżewweġ lil Moyra de Vere Bentinck li iltaqa’ magħha matul l-istudji tiegħu f’Oxford u kellhom żewġt ibniet. Anne u Yana.
Minħabba li kien iħobb ipejjep il-pipa, għal xi żmien kien magħruf bħala Tal-Pipa u anke jibqa’ magħruf għall-bokkla kbira biż-żiemel li kien iħobb jilbes fil-mass meetings. Dilettant taż-żwiemel, boċċi, tal-qari u tal-għawm.
Daħal fix-xena politika bħala uffiċjal tal-klabb tal-Partit Laburista ta’ Bormla. Mintoff kien is-Segretarju Ġenerali tal-Partit tax-Xogħol bejn l-1935 u l-1945.
Fl-1945, ġie elett Deputat Mexxej tal-partit li poġġieh f’pożizzjoni bħala sfidant tal-mexxej Pawlu Boffa.
Wara r-rebħa tal-1947, Mintoff ġie maħtur Deputat Prim Ministru u Ministu tax-xogħolijiet pubbliċi u rikostruzzjoni. Il-pożizzjoni b’saħħitha u l-ambizzjoni ta’ Mintoff wasslu għal diversi kriżijiet fil-kabinett.
Fil-Partit Laburista saret qasma meta Boffa, li kien lest għal kompromess ma’ l-awtorijiet kolonjali, irriżenja u fforma l-Partit tal-Ħaddiema u Mintoff reġa’ fetaħ il-Partit Laburista bħala Partit Laburista Malti. li hu ħa t-tmexxija tiegħu. Liem partit kien elett fil-kariga ta’ Mintoff bħala l-Prim Ministru.
Il-pjattaforma politika prinċipali ta’ dan il-gvern, kienet l-integrazzjoni mar-Renju Unit li wasslet għall interdett.
“Malta l-ewwel u qabel kollox”
“Jew bħall-Ingliżi jew mhux ma’ l-Ingliżi”
“Aħna m’aħna se nkunu qatt skjavi u servi f’pajjiżna stess”
Fl-1962 u l-1966, il-Partit Laburista tilef iż-żewġ elezzjonijiet. Dom Mintoff reġa’ ġie elett bħala Prim Ministru meta rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-1971 u immedjatament innegozja mill-ġdid il-ftehim militari u finanzjarji ta’ wara l-Indipendenza mar-Renju Unit.
Kienu jdoqqulu l-qniepen tal-knejjes kif ukoll kien ikun hemm min idoqqlu s-sfafar biex itellfulu mid-diskors.
Fl-1979, ix-xewqa tiegħu saret realta’ meta Malta kisbet il-ħelsien mill-forzi militari Ingliżi u l-ġurnata tal-31 ta’ Marzu ġiet proklamata bħala Jum il-Ħelsien. L-aqwa u l-isbaħ ġurnata ta’ ħajtu.
Għalkemm fl-elezzjoni tal-1981 il-Partit Nazzjonalista ġab il-maġġoranza assoluta t’iktar minn 4000 vot, il-Partit Labuirista irnexxielu jżomm il-maġġoranza parlamentari. Liem maġġoranza ħolqot kriżi politika serja.
Fl-1984, għalkemm żamm is-siġġu parlamentari tiegħu, huwa rriżenja minn Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista. Karmenu Mifsud Bonnici ġie maħtur bħala l-mexxej il-ġdid tal-partit.
Ħadd ma jinsa l-inkwiet politiku bejn Mintoff u Alfred Sant meta fl-1998, Mintoff ivvota kontra mozzjoni tal-Gvern. Il-President aġixxa fuq il-parir tal-Prim Ministru Sant u sejjeaħ elezzjoni ġenerali bikrija.
Interessanti kif mill-gwerra, din kienet l-ewwel darba li isem Mintoff ma’ kienx fuq il-karta tal-votazzjoni.
F’Awwissu tal-2012, propju bħal llum 8 snin ilu u 14-il jum wara li għalaq sninu, Duminku Mintoff miet fid-dar privata tiegħu f’Ħal Tarxien fl-eta’ ta 96 sena.
Huwa ngħata funeral tal-istat mill-Gvern ta’ Malta fil-25 ta’ Awwissu. Il-korteo statali telaq mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann għall quddiem il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana u tkompla b’funeral privat.
Duminku Mintoff jibqa’ msemmi bħala figura kontraversjali. Maħbub minn bosta u kkritikat minn ħafna. Jibqa’ mfakkar għal diversi miżuri li ntroduċa, fosthom is-servizzi soċjali li waslu biex f’Malta jinqered il-faqar, għal kisbiet kostituzzjonali bħat-twaqqif ta’ Malta Repubblika u l-kisba ta’ ħelsien sħiħ mir-Renju Unit.