Dominic Grech mir-Rabat Għawdex, kien magħruf l-iktar bħala l-kantawtur ewlieni ta’ The Tramps, l-aktar pop band Għawdxija.
Bħala kantant, Dominic ħa sehem f’diversi festivals lokali u l-ewwel grupp vokali tiegħu kien The Rosebells flimkien ma’ ħuh, Alfred u xi ħbieb oħra.
Għalkemm dan il-grupp kien wieħed vokali, kien hemm mumenti meta Dominic u kif ukoll Alfred, daqqu l-istrumenti tal-każin tal-banda tagħhom. Imbagħad, Dominic ifforma l-grupp Gemini 5.
Wara dawn, imbagħad waqqaf The Tramps. Liem grupp irnexxielu jitla’ l-Kanada u l-Awstralja. Ma jistax jonqos li dan kien l-iktar grupp popolari fil-gżira Għawdxija.

ŻGUR li kulħadd jaf uħud mis-suċċessi tagħhom!
Xemx, Inti Djamant, Sinjur Ġib il-Paċi u oħrajn…
Fis-snin tmenin The Tramps rebħu l-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija b’Sinjur Ġib il-Paċi, kanzunetta li anke kienet ġiet kantata fl-okkażjoni taż-żjara tal-Papa Benedittu XVI f’Malta fl-2010.
Bħalissa għaddejja petizzjoni biex dan il-grupp Għawdxi, jiġi onorat b’ Ġieħ ir-Repubblika u biex ‘Inti Djamant’ tiġi rikonoxxuta uffiċċjalment bħala l-kanzunetta (mhux l-Innu) ta’ Għawdex.
Din l-istess petizzjoni mbagħad se tiġi ppreżentata lill-Eċċellenza Tiegħu l-President ta’ Malta Dr. George Vella u lil Ministru ta’ Għawdex l-Onor Clint Camilleri.
Dominic miet bħall-llum 15-il sena ilu, fl-età ta’55 sena fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.