fbpx

L-INDIVIDWALIST – Storja miktuba minn Jenson Elsworth

Miktub minn
Reklam

“LE, ma rridx!”, qal Lino.

Lino ma riedx jaf aktar. Mhux talli ddejjaq, talli tqażżeż jisma’ l-istess kliem. ‘Meta tgħaddi minn ħdejn l-istatwa inżel għarkopptejk u rringrazzja l-mexxej tant ‘kburi’, kif tpenġih is-soċjeta’. ‘Iddumx aktar mill-għaxra ta’ filgħaxija barra, filgħodu trid tqum fit-tmienja eżatti u toħroġ fil-gallarija tgħid talba artifiċjali li suppost tfaħħar il-belt li jgħixu fiha.’ U lista twila daqs il-muntanja Everest, jekk hux aktar, jgħid bejnu u bejn ruħu Lino.

Probabbilment, hu l-unika persuna li jagħmel li ‘jrid’ ġewwa l-belt. Iżda li jrid fil-parentesi, għax xorta limitat fl-azzjonijiet tiegħu. Kulħadd jikkonforma, anke t-tfal qedgħin jgħallmuhom dawn “in-normi”, għax hekk qishom. Ara huma, “liġijiet” isejħulhom, għax jekk ma tagħmel xejn minn dan, kulħadd iħares bl-ikrah, kulħadd jiffitta daqs dubbiena u f’każijiet agħar tispiċċa tiġi oppressat mill-gvern, aktar mis-soltu imsomma.

Imma Lino ma jafx x’jaqbad jagħmel. Huwa wiegħed lil missieru li xi darba jiġu f’din il-belt flimkien. Iżda, la missieru ħallih f’ħabta u sabta, ġie waħdu. Kien iddeċieda li jibqa’ hawn rispett lejh, iżda mill-bidu beda jidejjaq mill-massa ta’ nies jiffittawh u kien mejjet biex jitlaq darba għal dejjem. Missieru kien iddiskriva kollox ward u żahar, iżda naħseb inqalbet il-folja minn żmien missieru. Mhux ovja, kollox iċċensurat li jidher fuq il-midja, iqarrqu bik.

“Għala triduni nagħmel dawn l-azzjonijiet kollha? Ħalluni liberu u ngħix ħajti, jekk tafu kif”, qalilhom Lino.

Kulħadd baqa’ jħares lejh, mistgħaġeb. Bdew mixjin pass pass lura.

“Fl-aħħar smajtu waħda minni, grazzi.”, reġa tkellem Lino.

Il-folla għamlu passaġġ wiesgħa. Lino baqa’ jħares, ħosbieni.

“Dan għalija? Hemm… grazzi?”, qalilhom b’ton konfuż.

Fl-aħħar tal-passaġġ ra wiċċ familjari, il-mexxej grandjuż!

“Bonġu Lino kif aħna? Smajt li nqalgħet kemmxejn ta’ problema ċkejkna.”

Lino qallu li m’hemmx problemi min-naħa tiegħu, iżda l-mexxej insista li hemm. Li ma jridx jimxi wara r-regoli. U li ħa tkun problema kbira jekk jippermetti. Lino qallu li jekk daqshekk ta’ problema, jitlaq minn fejn ġie.

“Skużani imma minn hawn ħadd ma jitlaq.” Lino kien konfuż, lanqas laħaq mexa, li ma qabduhx tliet pulizija u arrestawh, u Lino spiċċa l-ħabs f’ċella.

“Kellek għażla, jew tisma’ mil-liġi jew tbati l-konsegwenzi.” “Missek m’għamiltx fattik.”

Lino mbikkem, ma jafx x’se jgħid, ħlief biex jisskużawh u jħalluh bi kwietu.

“Tibżax, kwiet ħa tkun sieħeb.”

Il-mexxej telaq, id-dawl taċ-ċella beda jintemm u Lino nfaqa’ jibki u jgħajjat “pa…għinni minn hemm fuq.”

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese