fbpx

Tessie – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Kif għalqet il-bieb u daħlet ġewwa marret mill-ewwel fil-kċina fejn kien hemm il-kumplament tal-familja. Tessie ma tilfitx ħin biex tgħidilhom dak li kienet għadha kif semgħet fuq il-ġirien.

‘’Reġa’ għamilha Pawlu ta’ ħdejna għax għandikun siker xi sakra u ġabruh il-pulizija. Missu jistħi raġel ta’ dik l-età!’’

Ħadd ma ta kas kliemha għalhekk reġgħet qaltilhom

‘’Ee bilħaq il-ġimgħa d-dieħla ser jidher il-qorti it-tifel ta’ Mari. Naħseb jeħel xi ikla ħabs din id-darba u ħaqqu tafx forsi xi darba jitgħallem daqs kemm hu kiesaħ.

U għal darb’oħra ħadd ma weġibha.

‘’Isma hi intom qed tagħtu kasi jew?’’

‘’U ħallihom jagħmlu li jridu dejjem trid tilħaq salib in-nies. Jien x’jimpurtani minn ta’ ħdejna!’’ U kif qaltilha hekk bintha ta’ ħmistax-il sena qamet u marret f’kamritha.

‘’Ma nafx x’qed itiha dan l-aħħar din, il-ħin kollu bin-nervi. Lilek qed ngħid ta’ Salv jew missierha għalxejn int?’’

‘’U issa jien fejn tridni nkun naf!’’ Qalilha waqt li kompla juża l-mowbajl.

‘’Tih nifs dak il-mowbajl! Ma nafx kif ma tiddejaqx il-ħin kollu fuqu’’ Iżda hu ma tax kasha, mhux żgur sema’ x’kienet qed tgħidlu.

 Għalhekk daret fuq binha li kien mitluf fi ħsibijiet kbar. Ippruvat taqbad diskursata miegħu imma mid-dehra lanqas hu ma kellu aptit id-diskors vojt t’ommu. Kif indunat li ħadd mhu qed jikkalkulaha qabdet il-partmoni u qaltilhom

‘’Jien ħierġa ftit ħa mmur s’għand Marjo tal-laħam forsi nsir naf kif baqgħu Pietru u Karmni għax qed jgħidu li x’aktarx ser jinfirdu. U kif inkun hemm insaqsihom jekk semgħux xi ħaġa fuq it-tifla ta’ Doris għax sal-bieraħ kienet għadha ma ġietx lura d-dar. La niġi ngħidilkom kollox’’ U mingħajr ma stenniet tweġiba marret ħerqana biex tisma’  aħbarijiet ġodda fuq il-ġirien tagħha.

Malli telqet kollha ħadu r-ruħ. Żewġha kompla jibgħat il-messaġġi lil waħda li tilef għaqlu warajha. Wara qam u mar ilesti għax kien miftiehem magħha. Binha baqa’ hemm jaħseb fuq pjan ġdid għas-serqa li jmissu jagħmel ma’ sħabu filwaqt li bintha baqgħet f’kamritha tibki xortiha kif l-għarus li kellha telaqha wara li qaltlu li għandha tliet xhur tqala. Ma kinitx taf x’ser taqbad tagħmel.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese