Kelma li qed nisimgħu ta’ spiss bla dubju hi ‘vaċċin’! Imma dawn il-vaċċini x’inhuma? U kif jipproteġuna minn ċertu mard?

Il-vaċċini jgħinu lis-sistema immunitarja tagħna jibnu protezzjoni kontra ċertu tipi ta’ mard infettiv li jista’ jkun anke fatali. Din il-protezzjoni tista’ tkun għal ħajjitna jew inkella jkollna bżonn ta’ doża oħra aktar tard f’ħajjitna, magħrufa wkoll bħala booster, sabiex nerġgħu nestendu din il-protezzjoni.
Huwa importanti ħafna li persuna tieħu l-vaċċini kollha meħtieġa sabiex mhux biss tipproteġi lilha nfisha imma anka lill-oħrajn biex b’hekk jiġu evitati epidemiji.
Jeżistu diversi metodi ta’ kif jista’ jiġi żviluppat vaċċin u ilkoll jinvolvu ħafna riċerka intensiva li tista’ tieħu saħansitra snin biex joħroġ fuq is-suq.
Grazzi għat-teknoloġija moderna qed isiru avvanzi biex il-vaċċini ma jkollhomx bżonn jinżammu fi friġġ sabiex ikun aktar faċli li jitwasslu f’pajjiżi fqar, però anke biex jikkawżaw l-inqas effetti mhux mixtieqa possibbli u b’hekk ikunu jistgħu jittieħdu anka minn persuni bi problemi fis-sistema immunitarja tagħhom.
F’Malta jingħataw numru ta’ vaċċini b’xejn mit-twelid sa 16-il sena fosthom kontra l-epatite A u B, il-meninġite, it-tetnu u il-ġidri r-riħ. Fl-artikli li jmiss nitkellmu iktar fid-dettall fuq dawn il-vaċċini.
Ma tridx tinsa’ wkoll dawk il-vaċċini li jkunu neċessarji li jittieħdu qabel issiefer f’pajjiżi, ġeneralment fil-kontinenti Asjatiku u Afrikan.
U fuq l-imbierek vaċċin tal-coronavirus?
B’kollox huma seba’ il-vaċċini li waslu fl-aħħar fażijiet ta’ żvilupp fejn qed isiru testijiet fuq persuni, bl-aktar wieħed promettenti ikun dak li qed jiġi żviluppat mill-Università ta’ Oxford.
Nistennew u naraw!
L-Ispiżjara Kathryn Galea