fbpx

Il-vaċċini (2). L-Ispiżjara Kathryn Galea.

Miktub minn
Reklam

Il-vaċċini (dan l-artiklu ikompli ma’ dak tal-ġimgħa l-oħra)

Illum ser nitkellmu daqsxejn iktar fid-dettall fuq il-vaċċini li huma disponibbli lokalment.
Uħud minnhom jingħataw bla ħlas mid-Dipartiment tas-saħħa.

Dawn jinkludu il- vaċċini kontra:

  • il-virus tal-poljo
  • il-batterja tad-difterja
  • il-batterja tat-tetnu
  • il-batterja tas-sogħla konvulsiva (whooping cough)
  • il-batterja Haemophilus influenzae (HiB)
  • il-viruses ta’ l-epatite A u B
  • il-virus tal-ġidri r-riħ (varicella; chicken pox)
  • il-virus tal-mumps (gattone)
  • il-virus tal-ħożba Ġermaniża (rubella)
  • il-batterja tan-pnewmonja
  • il-virus tal-ħożba (measles)
  • il-virus rotavirus
  • id-diversi tipi tal-batterja meninġite 
  • il-virus tal-Human papilloma virus – HPV
  • il-virus ta’ l-influwenza staġjonali

Diversi vaċċini jinkludu protezzjoni kontra iktar minn wieħed minn dawn il-mikrobi msemmija hawn fuq, b’hekk jiġi evitat li persuna jkollha tittaqqab għal bosta drabi. Kullħadd għandu jkollu ktejjeb fejn jinżamm rekord tal-vaċċini kollha li ġew ingħatati sabiex ikun aċċertat li l-persuna tlaqqmet u hija protetta. 

F’din it-tabella ħejjejt informazzjoni aktar dettaljata ta f’liema etajiet għandhom jingħataw dawn il-vaċċini kif ukoll liema jingħataw bla ħlas mid-Dipartiment tas-saħħa. Billi jeżistu diversi kombinazzjonijiet ta’ vaċċini, xi dettalji jistgħu jvarjaw.  F’każ ta’ dubju jekk dan it-tilqim ingħatax, tajjeb li tiddiskuti ma’ l-ispiżjar jew it-tabib tiegħek. Qatt mhu tard li titlaqqam!

Poljo, Difterja, Tetnu

Jingħataw bla ħlas
L-ewwel dożaTrabi ta’ sitt ġimgħat
It-tieni u it-tielet dożaJingħataw fi spazju ta’ erbgħa ġimgħat bejn waħda u oħra
BoosterTrabi ta’ tmintax-il xahar
It-tieni boosterJingħata fl-eta’ bejn l-erbatax u sittax-il sena
Sogħla konvulsiva, HiB

Jingħataw bla ħlas
L-ewwel dożaTrabi ta’ sitt ġimgħat
It-tieni u it-tielet dożaJingħataw fi spazju ta’ erbgħa ġimgħat bejn waħda u oħra
BoosterTrabi ta’ tmintax-il xahar
Epatite A u B

Tingħata bla ħlas
L-ewwel dożaTrabi ’il fuq minn sena 
BoosterTingħata minn sitt xhur sa sena wara l-ewwel doża
Ħożba, ħożba Ġermaniża u Rubella (MMR)

Tingħata bla ħlas
L-ewwel dożaTrabi ’il fuq minn sena 
It-tieni dożaTingħata wara l-eta’ ta’ tlett snin
Pnewmonja 

Tingħata bla ħlas
L-ewwel dożaTrabi ta’ sitt ġimgħat
It-tieni dożaTingħata t’erbgħa xhur

Booster

Tingħata ta’ sentejn
Ġidri r-riħ

L-ewwel dożaTingħata ’il fuq minn sena 
It-tieni dożaTingħata tmien ġimgħat wara l-ewwel doża
Rotavirus

Dan il-vaċċin huwa l-unika wieħed li huwa forma ta’ qtar li jingħataw fil-ħalq.
Tlett dożiJingħataw lit-trabi minn sitt ġimgħat bit-tieni u t-tielet dożi jingħataw ftit ġimgħat wara
Meninġite

Dik għat-tipi A,Ċ,W,Y  tingħata bla ħlas
L-ewwel dożaTrabi ta’ tlett xhur
It-tieni dożaTingħata trabi ta’ sena

It-tielet doża

Tingħata ta’ erbatax-il sena

Dik għat-tip B wkoll tingħata bla ħlas. 

Jeżistu żewġ vaċċini : wieħed għal tfal minn xahrejn ’il fuq u ieħor għal tfal minn għaxar snin ’il fuq. 
HPV 

Dan il-vaċċin jingħata biss lit-tfajliet minn tnax-il sena ’il fuq
Jingħata bla ħlas

Żewġ dożi
Jingħataw fi żmien sitt xhur bejn l-ewwel u t-tieni doża
Tingħata tmien ġimgħat wara l-ewwel doża

Tajjeb wkoll li inkunu infurmati kontra liema mikrobi isir dan it-tilqim, u il-għala huwa daqsekk importanti.

Il-virus tal-poljo 
Dan huwa virus li grazzi għat-teħid tal-vaċċin madwar id-dinja, kważi ġie eradikat iżda baqa’ xi pajjiżi fejn għadu jeżisti. Huwa jittieħed permezz tal-bżieq jew ħmieġ uman minn persuna infettata għall-oħra, u jista’ jikkawża paraliżi jew diżabilita’ permanenti u jista’ jkun ukoll fatali. 

Il-batterja tad-difterja 
Din il-marda infettiva wkoll kważi ġiet eradikata iżda baqa’ xi pajjiżi madwar id-dinja fejn għadha teżisti. Hija tittieħed permezz tas-sogħla minn persuna infettata u tikkawża kumplikazzjonijiet f’diversi organi tal-ġisem li jistgħu ikunu fatali.

Il-batterja tat-tetnu 
It-tetnu hija infezzjoni ikkawżata minn batterja li tinstab fil-ħamrija u fil-ħmieġ ta’ l-annimali. Hija tikkawża għebusija fil-muskoli li jekk jinxtered mal-ġisem kollu tista’ anka tkun fatali. 

Tajjeb li ngħidu li il-protezzjoni ma sservix għal ħajjitna, u għalhekk meta persuna ikollha xi qata’ fil-fond minn oġġetti imsaddin jew li kienu fil-ħamrija, jew gidma t’annimali li jgħixu barra, huwa importanti li ngħidu lit-tabib tagħna għaliex jista’ jkun li dan il-vaċċin ikollu bżonn jerġa’ jittieħed. Jeżisti vaċċin għat-tetnu waħdu u mhux kombinat.

Il-batterja tas-sogħla konvulsiva (pertussis/whooping cough)
Is-sogħla konvulsiva tiġi ikkawżata minn batterja li tittieħed permezz tas-sogħla. Effetti ta’ din l-infezzjoni jinkludu sogħla severa u infezzjoni fil-parti t’isfel tal-pulmun aktar magħrufa bħala pnewmonja li tista’ saħansitra tkun fatali. 

Il-batterja Haemophilus influenzae tip B (HiB)
Bosta huma dawn li jitfixklu din il-batterja mal-viruses ta’ l-influwenza. Dan għaliex din il-batterja tikkawża influwenza simili ħafna ta’ dik li tiġi ikkawżata mill-viruses ta’ l-influwenza. L-infezzjoni ikkawżata mill-batterja Haemophilus influenzae tip B tinxtered ukoll permezz tas- sogħla u l-għatis u sintomi tagħha jinkludu pnewmonja, deni u anka tista’ tikkawża meninġite (infezzjoni fil-moħħ) u kumplikazzjonijiet oħra li jistgħu ikunu fatali. 

Il-virus ta’ l-Epatite A 
Dan huwa virus li jista’ jittieħed permezz ta’ ikel jew xorb ikkontaminat, jew minn kuntatt ma’ dmija jew ħmieġ uman minn persuni infettati. Ġeneralment is-sintomi ta’ din l-infezzjoni ikunu ħfief u jdumu sa mhux aktar minn xahrejn. Dawn jinkludu għejja, uġiegħ fl-istonku u suffejra. 

 Il-virus ta’ l-Epatite B
Dan huwa virus li jista’ jittieħed permezz ta’ kuntatt ma’ fluwidi minn persuni infettati. Huwa jista’ jiġi trasmess sesswalment jew minn użu ta’ siringi bejn għadd ta’ persuni. Is-sintomi ta’ din l-infezzjoni jinkludu għejja, nuqqas t’aptit, tqalligħ u suffejra. L-effetti tagħha jistgħu ikunu qosra jew isiru kroniċi b’tali mod li potenzjalment iwasslu għal tmermir fil-fwied jew kanċer tal-fwied. 

Il-virus tal-ħożba
Dan il-virus jista’ jittieħed bis-sogħla u għatis minn persuni infettati. Is-sintomi tiegħu jinkludu deni, sogħla u raxx mal-ġisem kollu. Kumplikazzjonijiet oħra bħal pnewmonja u ħsara fil-moħħ huma possibbli. Ta’ min wieħed jirrimarka li il-ħożba xorta waħda tista’ toħroġ f’persuni imlaqqma, imma grazzi għall-vaċċin, is-sintomi ikunu ħfief.

Il-virus tal-mumps (gattone)
Ukoll jista’ jittieħed bis-sogħla u għatis minn persuni infettati. Is-sintomi tiegħu jinkludu deni, uġigħ ta’ ras kif wkoll nefħa u uġigħ fil-glandoli ta’ taħt il-widnejn. Kumplikazzjonijiet jistgħu jikkawżaw nuqqa ta’ smigħ permanenti u problem f’diversi organi. 

Il-virus tal-ħożba Ġermaniża (rubella)
Dan il-virus jista’ jittieħed bis-sogħla u għatis minn persuni infettati u jikkawża raxx, uġiegħ fil-griżmejn u nefħa fil-glandoli ta’ l-għonq. L-infezzjoni minn dan il-virus jista’ jkollha effetti mhux mixtieqa partikolarment fl-adulti. 

Il-batterja tan-pnewmonja
Din il-batterja ġeneralment tinstab fl-imnifsejn u fil-ħalq, u tinxtered bis-sogħla u għatis. Persuni vulnerabbli partikolarment tfal ta’ taħt il-ħames snin jistgħu jiżviluppaw infezzjoni. Sintomi jinkludu infjammazjoni tal-moħħ, infezzjoni fil-windejn u pnewmonja. Tista’ tkun potenzjalment fatali. 

Il-virus tal-ġidri r-riħ (varicella; chicken pox)
Dan il-virus jista’ jittieħed mis-sogħla u għatis u anki permezz ta’ kuntatt mal-likwidu li jkun fil-bżieżaq li jiffurmaw mal-ġisem meta wieħed ikun infettat. Sintomi jinkludu deni, għejja u raxx bil- bżieżaq kif ukoll ħakk. Ta’ min wieħed jirrimarka li din l-infezzjoni xorta waħda tista’ toħroġ f’persuni imlaqqma, imma grazzi għall-vaċċin, is-sintomi ikunu ħfief.

Il-virus rotavirus
Dan il-virus jikkawża dijarea’ u remettar fit-trabi u potenzjalment joħloq problem oħra. Huwa faċilment jittieħed minn uċuh u oġġetti ikkontaminati. 

Il-batterja li tikkawża meninġite
Hemm bosta batterji magħrufa xjentifikament bħala meningococcus li jikkawżaw infezzjoni fil-moħħ jew fid-demm. L-aktar li huma vulnerabbli għal din l-infezzjoni huma it-trabi taħt is-sena u l-adoloxxenti. Għalkemm tista’ tiġi ikkurata bl-antibijotiċi, xorta jista’ ikun hemm kumplikazzjonijiet u saħansitra tkun fatali. Illum il-ġurnata hawn vaċċini għal numru ta’ dawn il-batterji fosthom it-tipi A,B,Ċ,W u Y.  

Il-virus tal-Human papilloma virus (HPV)
Dan il-virus huwa aktar magħruf bħala Human papilloma virus (HPV). Jiġi trasmess sesswalment u jikkawża felul fil-partijiet ġenitali u anka kanċer fosthom fl-għonq ta’ l-utru. Ġuvintur jistgħu wkoll jiżviluppaw sintomi għal dan il-virus u għalhekk inħeġġeġ sabiex żagħżagħ sa l-eta’ ta’ sitta u għoxrin sena jiddiskutu it-teħid ta’ dan il-vaċċin ma’ l-ispiżjar jew it-tabib tagħhom.

L-Ispiżjara Kathryn Galea 

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese