fbpx

Żaren – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Miskin Żaren, ħallina wkoll. Ruħu taret imma ġismu kien għadu fil-kamra mortwarja. Għal darba ma kinx waħdu għax l-erba’ uliedu kienu hemm preżenti biex jarawh għall-aħħar darba. Iva, kollha hemm kienu fl-istess kamra ma’ missierhom jisfurzaw kemm jifilħu biex forsi ma tafx kif toħroġilhom xi demgħa minn għajnejhom għall-għajn in-nies.

Wara li ħallietu martu ħajtu nbidlet ta’ taħt fuq. Dam is-snin jgħix waħdu minsi minn kulħadd ġo daru sakemm saħħtu ma felħitx aktar u kellu jara x’ħa jagħmel. Ħadd minn uliedu ma seta’ jdur bih bil-ħajja mgħaġġla tal-llum, hekk kienu qalulu meta saqsihom jistax imur jgħix ma’ xi ħadd minnhom, allura l-unika triq li kien fadallu hi li jmur ġo dar tal-anzjani, u hemm reġa’ beda jgħix mill-ġdid.

F’temp ta’ ftit ġimgħat kien għamel bosta ħbieb u kulħadd kienu jieħu gost bil-kumpanija tiegħu u sa fl-aħħar kien reġa’ beda jħossu tajjeb minn wara l-mewt tal-għażiża martu. Fil-ħames snin li għamel hemm rari kont tarah bil-geddum. Dejjem daħkan u jiċċajta ma’ kulħadd, biss meta kien jara lil sħabu imdawrin mall-familji tagħhom li kienu jiġu jżuruhom ta’ sikwit kienu jaqbduh dwejjaq kbar għaliex ħadd minn uliedu ma kien isib il-ħin biex imur jarah ftit. Kienu jgħaddu x-xhur biex forsi jieħu aħbarhom.

Tgħidx kemm kien jitlob qabel jorqod biex forsi mqar għal ftit minuti jkollu x-xorti li jara l-uliedu kollha qabel imur għand il-ħallieq. Iżda t-talb tiegħu nstema’ tard għax għalkemm kollha kienu hemm preżenti quddiem missierhom, hu kien ħafna ‘l bogħod minnhom. Malli l-barranin ħarġu mill-kamra, uliedu waqqfu mir-reċtar tal-biki u dlonk isserjaw.

Kellhom wisq affarijiet x’jiddiskutu issa la darba ġie nieqes missierhom u dak li kien hemm miktub fil-wirt kien wisq ta importanza għalihom. Lanqas biss taw ċans ġisem missierhom jiksaħ jew mqar qalu talba għal ruħu biex isib il-mistrieħ ta’ dejjem.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese