fbpx

L-Anniversarju – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

‘’Bilfors trid tmur?’’ Staqsiha żewġha.

‘’U tgħid mhux ser ngħidilhom le. Jien fuq xogħol sejra ta mhux divertita’’ Qaltlu martu hi u tippakkja l-ħwejjeġ fil-bagalja.

‘’Nhar is-Sibt għandna l-anniversarju u veru xtaqt li nqattawh flimkien’’

‘’Tkun darb’oħra qalbi imma ma nistax nagħmel mod ieħor’’ Il-konversazzjoni bejniethom waqfet hemm għalhekk kontra qalbu kellu jħassar is-sorpriża li kien ilu tant iħejji għaliha. 

Xejn ma kien sar jieħu gost li martu qed ikollha ssiefer ta’ spiss fuq xogħol u hu jibqa’ id-dar jieħu ħsieb lil binthom. Mhux għax kien jiddejjaq imma n-nuqqas tagħha kien iħossu sew. Iżda kien jeħtieġ li jieħu paċenzja wara kollox ma riedx ikun hu li jfixkel il-karriera sabiħa ta’ martu.  

L-Ajruport marru lkoll flimkien. Martu marret tgħaddi l-bagalji mbagħad qagħdu jistennew il-ħin jgħaddi sakemm titla’ fuq.

‘’Ser inħallikom, narakom ġimgħa oħra’’

‘’Moħħok hemm. Tinsiex iċċempel jekk ikollok ħin, minħabba ż-żgħira l-aktar’’

‘’F’idejja. Ħu ħsiebha’’ Għannqu lil xulxin u ftit wara telqet.

Refa’ lit-tifla fuqu u dlonk irħewlha lejn id-dar. Kemm kien iħossha vojta d-dar mingħajrha imma ma seta’ jagħmel xejn ħlief li jistenniha tiġi lura. Il-jum tal-anniversarju wasal ukoll, xtaq kieku jċemplilha ħalli jisma’ ftit leħinha imma kienet avżatu li dakinhar kella laqgħa mportanti ħafna.

‘’Issa nċemplilha llejla’’ Qal bejnu u bejn ruħu. Għal ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija reġa’ pprova jċempel iżda ma kien hemm l-ebda tweġiba. Għalhekk iddeċieda li jibgħatilha messaġġ u kitbilha hekk;

‘Happy Anniversary maħbuba tiegħi. Xtaqt li kieku konna flimkien f’din il-ġurnata tant speċjali imma naf li ma stajtx tagħmel mod ieħor. Inħobbok XXX’

Martu qrat il-messaġġ li bagħtilha u reġgħet poġġiet il-mowbajl fuq il-komodina. Imbagħad imtedded lura fuq is-sodda biex tkompli titgeddes mal-maħbub il-ġdid tagħha.

‘’Mhux ser tibagħtlu lura?’’ Qalilha.

‘’Dażgur li le. Inkella joqgħod iċempel u jtellfilna kollox, ma taħsibx?’’ Weġbitu. Hu tbissmilha u kompla jbusha.

U f’dak il-jum tant speċjali fejn sitt snin qabel taw il-kelma li jkunu ta’ xulxin għal dejjem, hu kien jinsab waħdu mdejjaq id-dar filwaqt li martu kienet qed titqelleb f’sodda oħra mal-maħbub il-ġdid.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese