fbpx

IMĦABBA IMPOSSIBLI L-Ewwel parti – Storja miktuba minn Jenson Elsworth

Miktub minn
Reklam

Petra kienet tkellem lil Tim. Kienu ilhom joħorġu flimkien madwar xahrejn. Iżda, mal-ewwel kien hemm konnessjoni soda bejniethom. Petra kienet tidejjaq taħbi sigrieti mill-ġenituri tagħha, u minħabba f’hekk kienet diretta magħhom dwar Tim.

Fejn is-soltu ommha dejjem tkun favoriha u missierha bil-kontra, din id-darba ommha opponiet u missierha uriha l-akbar sapport. Petra kienet perpleġġata dwar l-imġieba t’ommha. Kienet taqbad id-diskors m’ommha u tipprova ssaqsiha għala, iżda kienet taqtalha għal qasir. Hi għamlet ta’ rasha u xorta waħda iddeċiedet li tibqa’ tintaqa’ ma’ Tim imma ma tresqux lejn id-dar.

Darba minnhom qamet kmieni u ma setgħitx torqod bil-ħsibijiet negattivi dwar ommha u Tim. Kulħadd kien għadu rieqed. Nieżlet isfel tieħu tazza ilma. Kif kienet għaddejja mill-kurutur viċin il-bieb ta’ barra, instemgħet tfaqqa’ l-kaxxi tal-ittri. Kienet naqra barra mis-soltu li l-pustier wasal daqshekk f’ħin bikri. Marret tiċċekkja x’wasal. Kienet ittra għaliha. Baqgħet imħassba li kien hemm ittra mingħajr bolla. Qalet mela xi ħadd tefagħha mhux il-pustier.

Qattgħet l-envelop. Fetħet il-karta. U bdiet taqra.

Tispiċċa “mingħand L”.

Il-karta waqgħet mal-art. Idha bdiet titriegħed. Ħasset qalbha taqbeż taħbita.

“Le, le, le! Ma jistax ikun… x’inhu… Tim hu…”, bdiet tgedwed waħedha.

Qabdet il-karta u ħaditha fuq. Ħbietha fil-kexxun ta’ taħt u sakkritu. Ma kinitx taf x’se taghmel. Bdiet tewden u taħseb. Tgħid temmen din il-persuna anonima? Min hi biex taqbad u temmen din il-qlajja bombastika? U f’daqqa waħda ħasbet f’xi ħaġa.

“Stenna naqra… min jasal jgħid gidba hekk fuq Tim. Xi ħadd ma jridnix flimkien. Xi ħadd għandu ismu jibda b’L naħseb. Lora tgħir għalina imma ilha ma tarana żmien, mhux qatgħet qalbha kieku… min Pet, aħseb ejja…”, baqgħet taħseb.

“Tgħidlix… tgħidlix li ommi stess.. tasal tagħmel hekk?”, saqsiet lilha nnifisha b’ton frustrat u dieqi.

Kienet determinata li tmur u tikkonfronta l’ommha dwar l-ittra u ssir taf il-verita’. Wara nofsinhar missierha mar il-każin tal-banda ma’ xi wħud ta’ rġiel oħra. Issa kellha ċ-ċans. Nieżlet isfel. U marret ħdejn ommha. Saqsietha jekk hux kollox sew u mistoqsijiet bażiċi.

“Ma, ma rridx indur mal-lewża, tasal tigdibli, tasal tgħidli gidba biex tifred lil Tim u lili”, saqsietha b’ton mbeżża.

Ommha inħasdet kemmxejn. Qaltilha li vera ma tridhomx flimkien, iżda ma tasalx tagħmel xi ħaġa ta’ dannu.

“Ma, ieqaf tmejjel f’wiċċi, nitolbok… din l-ittra, x’inhi mela?” saqsietha mbikkma.

Ommha ħadietha. Libset in-nuċċali. Bdiet taqra. Wiċċha nbidel minn wieħed newtrali għal skantat u inferjuri fl-istess ħin.

“Itlaq Petra, itla’ fuq issa!”, għajtet magħha.

Petra baqgħet sorpriża.

“Le, ma. Għidli jekk hux int jew le, hemm miktub L, Lisa ma int”, baqgħet tinsisti Petra.

Ommha infaqgħet tibki. U qalet li mhux hi kitbet din l-ittra iżda taf min.

“Ma għidli min… u stenna naqra, għala qiegħda tibki, ma?” saqsietha Petra.

“Petra. Din l-ittra… kollox… kollox vera. Tim huwa…”, bdiet tgħid minn taħt l-ilsien ommha.

B’ton konfuż Petra qalet: “Le, le, le, le, le, u le.. Tim huwa… ma kif jista’ jkun Tim huwa ħija?!

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese