fbpx

Julia l-Ewwel Parti – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Julia, tfajla ta’ tlieta u għoxrin sena kienet ġejja minn familja tat-tajjeb. Minn dejjem kienet ftit fuq ruħha u mal-ġenituri tagħha ma kienet taqbel xejn. Kienu jħobbu jindaħlulha wisq fuq kif għandha tgħix ħajjitha u din il-ħaġa qatt ma niżlet tajjeb magħha. Kellha oħtha ħames snin ikbar minnha li din għal kuntrarju tagħha kienet tagħmel dak kollu li hu possibbli biex togħġob lill-ġenituri. Għalihom binthom il-kbira qatt ma kienet tagħmel xejn ħażin. Laura studjat u bħal missierha saret avukat.

Iżda ż-żgħira tal-familja qatt ma xtaqet li taqbad dik il-linja ta’ xogħol. Dejjem xtaqet li xogħolha jkun jinvolvi għajnuna lil dawk ta’ madwarha u hekk għamlet. Kif kellha l-kwalifiki meħtieġa bdiet taħdem ġo dar tal-anzjani fejn hemm kienet tkun fil-ġenna tal-art iddur u tieħu ħsiebhom bl-akbar reqqa. Ommha xejn ma kienet kuntenta bl-għażla ta’ bintha. Darba fost l-oħrajn wara li kienet lesta mix-xogħol baqgħet sejra d-dar u nqala’ argument bejniethom. Kif waslet sabet lill-ġenituri tagħha mgħannqin m’oħtha l-kbira fejn bdew jifirħulha tas-suċċess li kienet qed tikseb fuq ix-xogħol.

‘’Prosit qalbi, minn dejjem kont nemmen li ser tirnexxi’’ Qal il-missier lil Laura

‘’Grazzi pà , bis-saħħa tiegħek ukoll u tal-pariri li ttini’’ Weġbitu.

Kif l-omm intebħet b’Julia fil-kamra qaltilha ‘’mhux ser tifirħilha lil oħtok int?’’

‘’Iva mela. prosit oħt ibqa’ sejra hekk’’ U marret tgħannaqha.

‘’U żgur ukoll mela dik qed taħsibha tagħmel ix-xogħol tiegħek jew?!’’ Reġgħet qalet l-omm.

‘’Tista’ tgħidli x’għandu ħażin xogħli ma?’’

‘’Lanqas ħaqq min jarak ħierġa b’dik l-uniformi minn hawn ġew!’’

‘’Taf sakemm tibqa’ titkellem hekk ma, sakemm ‘l quddiem int wkoll tiġi bżonn l-għajnuna tagħna’’

‘’Iskot Julia u mur f’kamartek’’ Sikkitha missierha.

Qabdet il-basket u telqet f’kamritha b’suppervja. Kif ikkalmat marret fil-kamra t’oħtha biex tiskuża ruħha magħha li forsi ħabba fiha spiċċat biex bidlet il-burdata.

‘’Skużani imma donnhom apposta jagħmlu biex jaħarquni. Dik li kull darba jippruvaw iqabbluni miegħek saret iddejaqni wisq!’’

‘’U tagħtix kashom dawk hekk ser jibqgħu mhux ser jinbidlu’’

Kif Julia tat ħarsa madwarha ndunat b’xi fliexken tal-alkoħol mal-art li kienu battala u marret tiġbor wieħed minnhom.

‘’Laura, mhux aħjar tnaqqas minn dan ix-xorb kollu għid, kemm ser indum ngħidlek?’’

‘’F’xi ħaġa jrid ikollok żvog oħt’’

‘’Imma dan ħsara jagħmillek u taf!’’ Oħtha għolliet spallejha biex turiha li ftit kien jimpurtaha u ħarġet mill-kamra.

Julia poġġiet il-flixkun lura fejn kien u bejnha u bejn ruħha qalet ‘’Problema bħal din malajr tawha l-ġenb meta ġbidtilhom l-attenzjoni, imbagħad jien għax sibt xogħol li skonthom ma jagħmilx ġieħ il-familja tagħna moħħhom biex jinsulentawni l-ħin kollu. Ma jimpurtax, ħallihom ma jagħtux widen għal ġid t’oħti u jkunu jafu min fl-aħħar kellu raġun’’ U telqet lura f’kamritha.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese