fbpx

Julia It-Tieni Parti – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

‘’Julia qed nitolbok bil-ħniena, int biss tista’ ssalva lill-oħtok minn dan il-vizzju ikrah li qabdet. Emminni ma niflaħx naraha aktar teqred lilha nnifisha’’ Qaltilha ommha.

Laura minn dejjem kienet tifla eżemplari u qatt ma tat problemi lill-ġenituri tagħha għax dejjem għarfet li timxi fi-triq li xtaquha huma. Biss minn mindu kibret u saret avukata ħajjitha bdiet tieħu xejra oħra. Kienet għadha kemm tħassar minn ħames snin għerusija u bejn bl-istress qawwi tax-xogħol kif ukoll bid-diżappunt tar-relazzjoni li ntemmet ħesrem bdiet ittiha għax-xorb. Il-ġenituri tagħha qatt ma waqqfuha għax ma ridux jidhru koroh magħha imma meta l-vizzju kompla dieħel il-ġewwa spiċċaw biex daru fuq binthom iż-żgħira ħalli tgħinhom hi qabel ikun tard wisq.  

‘’Nipprova ma imma mhux ser tkun faċli. Ikun aħjar li kieku nitolbu l-għajnuna minn xi għaqdiet apposta’’

‘’Le ma jistax ikun! Ma rridx li jsiru jafu n-nies bil-problema t’oħtok għax mur ara kemm jgħidu bina’’

‘’U taħseb li n-nies ma jafux ma? Ibda mill-ġirien, mela dawn għajnejhom mhux f’wiċċhom qegħdin?’’

‘’Qatt ma mmaġinajt li ser niġu f’ilsien in-nies. X’mistħija!’’

‘’Ħa ngħidlek għala trid? Għax filwaqt li jien inħnaqt ngħidilkom l-istess kliem fuq oħti Laura u fuq ix-xorb li kontinwament qed tieħu, intom ma tajtux kasi għax moħħkom kien f’xogħoli u fl-uniformi li nilbes. Imbagħad ħaġa serja bħal dik tfajtuha fil-ġenb!’’

‘’Aħfrilna binti, qatt ma kont nimmaġinani nasal ngħid dan il-kliem imma iva għandek raġun’’

‘’Issa dak għadda u mar u ma nistgħux inġibuh lura imma lil oħtok għadna fiċ-ċans li ngħinuha. X’ser tagħmel Julia?’’ Qal il-missier.

‘’Ħalluha f’idi, nagħmel dak kollu li hu possibbli biex ngħinha wara kollox dik oħti u dejjem sibtha meta kelli bżonnha anke meta intom ma tittratawnix sew, imnalla tkun hi għalija.’’ U meta qaltilhom dan il-kliem it-tnejn li huma ħassew tingiża fil-kuxjenza tagħhom.

Kienet deċiża li għandha tgħin lil oħtha u anke tikkuntenta l-ġenituri tagħha biex forsi fl-aħħar hi wkoll tibda tgawdi r-rispett tagħhom. Ma kinitx faċli għall-bidu biex tipperswadiha ma tixrobx aktar. Saret taf mingħand oħtha li l-ġuvni li kienet ser tiżżewweġ telaqha għal tfajla oħra u dan il-fatt ma setgħetx tinsih daqshekk malajr. Bl-għajnuna ta’ Julia u bil-pariri li kienet ittiha bdiet tnaqqas mix-xorb u fi żmien sitt xhur irnexxielha tegħleb il-problema.

Għalkemm dan kien episodju ikrah f’ħajjithom wassal ukoll biex l-aħwa saru inseparabbli. Sa fl-aħħar Julia setgħet tmur ix-xogħol aktar għal qalbha għax il-ġenituri tagħha bdew iħarsu lejha b’lenti differenti. Issa kienu jinsabu kburin biha u qatt aktar ma dejquha bi kliemhom.  

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese