Il-Magħżul? Magħżul ta’ xiex? Jien fiex kont dħalt u wara kollox min kienet din il-mara? Stennejt għal ftit minuti oħra fl-istess post bit-tama li nara lil din il-mara ħierġa u naqta’ l-kurżità min kienet. Però baqgħet ma ħarġitx. Kull ma naf li ftit sekondi wara smajt it-televixin ta’ Paul jinxtel.
Is-soltu, l-istess stazzjon ta’ kuljum qabel jorqod. L-istazzjon tax-xjenza. Stajt narfu mill-jingle li kienet qiegħda tindaqq. Jingle li ġieli kont smajtha meta inzertajt qed nara dan l-istess l-istazzjon jien. Qabel jorqod ma jħobbx jara dvds u lanqas films fuq vhs għax jgħid li la jkun intefa fis-sodda aktarx jorqod f’nofsu. Issa bdejt inħossni aktar imħawwad. Mela l-ewwel smajt l-Paul jitkellem ma’ persuna. Ngħid il-verità għal bidu ħsibtu qed jitlef u qed jitkellem waħdu, però le. Kien hemm vuċi femminili qiegħda tkellmu lura. Barra minn hekk kien issemma ismi u issema li jien il-magħżul. Issa aħjar għax smajtha tgħidlu li ħa titlaq u mill-kamra ma ħareġ ħadd. Imma kienet telqet għax id-diskors waqaf u Paul kien intefa’ jara it-televixin. Milli kien jidher ma kien għad baqa’ xejn ta’ interess. Allura dort u tlaqt lejn it-taraġ. Fil-pront ftakar għala kont inżilt u qabel tlajt fuq irħejtilha lejn il-kamra tal-banju għax issa in-natura mhux talli kienet qed issejjaħ imma talli kienet qiegħda tgħajjat u twerżaq. Kif ħriġt mill-kamra tal-banju u kont tiela’ fuq sibt lil Paul ma’ wiċċi li kif rani qisu nħassad.
“Aw Rod mela qiegħed hawn isfel?”
Dak il-ħin anke jien qisni tferfixt u malajr malajr b’leħni jirtriegħed irrispondejt.
“Iva, inżilt sal-kamra tal-banju imma issa ħa nħallik ħa nitla norqod.” Qisu kellu aptit jistaqsi jew ried jaċċerta ruħu jekk kontx smajt xi biċċa mill-konverżazzjoni li kellu mal-mara misterjuża għax kien pront u qalli
“ Mhux soltu tkun għadek imqajjem bħalissa. Is-soltu torqdu kmieni meta ma toħorġux.”
“Ngħidlek il-verità kont irqadt imma taf int dak l-ilma kollu li qed nixrob ġieli jqajjimni mal-lejl għax ikun irid jitbattal.”
Dak il-ħin feġġgħet tbissima fuq wiċċu u qalli
“Jien ma nafx xi trid tgħid biha din tad-dieta. Kemm il-darba ħa ngħidulek li int ma għandekx bżonn dieti?”
“Tlaqtek kunjat ħa nmur norqod. Il-lejl it-tajjeb.”
“Lilek ukoll Rodney.”
U b’dawk l-aħħar kelmiet tlajt niġri t-taraġ tnejn tnejn kif kelli vizzju nitilgħu. Tgħid issuspetta xi ħaġa? Imma kieku kien jgħidli naħseb
Intfajt fis-sodda bit-tir li norqod għax għalkemm l-għada kienet festa ridt inqum kmieni għax kont wegħdthom li l-ikla ta’ nofsinhar kienet ħa tkun f’idejja u ridt inqum nibda nipprepara. Imma x’torqod. Moħħi ma setax jistrieħ. Kont ħa nqatta’ l-kumplament tal-lejl hekk? Nisma’ t-tokki tal-arloġġ u l-inħir tal-qattus? Dak il-ħin moħħi ħaseb li nerġa’ ninżel isfel u nferra grokk forsi ma tafx kif moħħi jistrieħ u jtini naqra ngħas imma jekk ninżel u jinduna Paul żgur kien ħa jissuspetta li ġrali xi ħaġa. F’daqqa waħda ħassejt xi ħaġa taqbadni minn wara. Ksaħt.
