fbpx

KARMENA – Storja miktuba minn Jenson Elsworth

Miktub minn
Reklam

Mara ħiemda, mimlija serenita’, ma jdejjaqha xejn u kuntenta bil-ħajja sempliċi li għandha. B’karattru ħanin u twajjeb. Għalinqas hekk tidher minn għajnejja. Mil-lenti ta’ ħaddieħor tidher mgħakkra u nieqsa mill-ħasil. Mara superfiċjali. Li tara hi. M’hemmx wiċċ ieħor, m’hemmx xejn aktar milli tara. Skont in-nies m’hemmx xi talent moħbi, m’hemmx xi bravura jew xi ħaġa li tħallik sorpriż. Li jaraw in-nies m’hemm xejn pożittiv. Povra Karmena. Kulħadd jitfagħha f’dell ikrah, li hi miskina u għandha bżonn l-għajnuna. Jgħidu li għandha bżonn raġel sod biex tgħix ħajja sewwa.

Min-naħa l-oħra, Karmena titbissem lil kulħadd għalkemm ma jiġi xejn reċiprokat. Imma ma tagħtix kas. Hi komda bis-sitwazzjoni li qiegħda fiha, sodisfatta li għalkemm m’għandha kważi xejn, hi xorta paċifika u ħerqana biex tipprova tarmi dawl lejn ħaddieħor. Il-ftit dawl li għandha f’ħajjitha tqassmu ma’ kulħadd. Jien naraħha ħaġa verament sabiħa, iżda ħaddieħor ma japprezza xejn. Minħabba li jarawha tidher mhux daqshekk attraenti, lanqas ituha ċans titkellem għax jersqu l’ bogħod qisha għandha l-pesta. Att deumanizzanti. Qedgħin ngħixu fis-sena elfejn u għoxrin u xorta għadu jeżisti dan it-tip ta’ diviżjoni bla sens.

Ir-rutina ta’ Karmena kulħadd jafha, jew għax in-nies kameras realistiċi jew għax sempliċi. Tmur iddur dawra filgħodu kmieni u ma tersaqlekx lejn triqtha qabel l-għaxra ta’ filgħodu. Tmur fin-natura jew ħdejn il-baħar tirrifletti u toqgħod fit-trankwilita’ fejn ħadd ma jista’ jtellifha. Imbagħad tmur id-dar forsi tiekol u tagħmel xi faċendi. Mal-erbgħa ta’ wara nofsinhar taraha toħroġ tixtri xi ftit, li jkun hemm bżonn. Tixtri ħobża żejda u tinnutaha tibda titma’ l-ħut fil-baħar u l-ħamiem ħdejn il-foss. Il-massa tħares lejha u jgħidu “ara din aktar m’qiegħda fixxa, tiġi aktar sewwa, x’ħela.” Li naf li tagħmel x’tagħmel kulħadd ħa jgħid xi ħaġa, allura agħmel li trid b’rasek mgħollija. Tagħlima mingħand Karmena u ħa ngħidilkom… għandha mitt punt. Wara dan l-att ġeneruż, Karmena tmur mixja ċkejkna oħra titbissem u tagħti kumpliment lil kull persuna li tara, għax tgħid li ma tafx min ikollu bżonn. Imbagħad kif isir il-ħin tmur id-dar biex tikkonkludi l-ġurnata.

In-nies xorta jarawha f’solitudni u li għandha bżonn figura maskili f’ħajjitha. Jien ma nistax nigdeb, mill-ewwel lemħa taħsibha mara fil-bżonn. Imma dak hu l-ħsieb inizjali tas-soċjeta’, li niġġudikaw. Jien li sirt naf min hi din Karmena, tgħallimt ħafna. Urietni li m’għandekx bżonn flus biex tkun hieni jew sodisfatt, m’hemmx bżonn raġel imexxiha u kliem in-nies kollu żejjed jekk tagħti kasu. Fiha nara simbolu ta’ indipendenza, ġenwinita’, fermezza u kuntentizza. Nittama’ li n-nies jaraw il-pożittiv għal darba u jipperċepixxu l-istess.

TMIEM

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese