It-Tirojde (thyroid) hija glandola ċkejkna li qeda fuq quddiem ta’ l-għonq madwar it-trakea, jew fi kliem aktar sempliċi, madwar il-pajp tan-nifs.

Wieħed jista’ iqabbilha ma’ batterija ta’ arloġġ, il-għaliex kif tmur ħażin din il-glandola, taffettwa il-ġisem kollu.
Hija tipproduċi ormoni magħrufa fil-mediċina bħala T3 u T4, liema ormoni jikkontrollaw il-metaboliżmu tal-ġisem. Il-metaboliżmu hija ir-rata li biha l-ikel li nieklu jiġi ikkonvertit f’enerġija, u għalhekk it-tirojde tikkontrolla ir-rata li biha jaħdmu iċ-ċelluli tal-ġisem.
Lokalment huma bosta dawk il-persuni li jbatu b’nuqqas fir-rata t’attivita’ fit-tirojde (hypothyroidism) fejn appuntu ma jiġux ipproduċuti dawn l-ormoni kemm suppost.
Sintomi ta’ nuqqas fir-rata t’attivita’ fit-tirojde jinkludu:
– Għejja- Uġiegħ fil-ġogi
– Żieda fil-piż
– Ġilda xotta
– Stitikezza
– Jiħfief ix-xagħar
– Aktar sensittivita’ għall-kesħa
– Dipressjoni
X’jikkawża dan in-nuqqas t’attivita’ fit-tirojde?
– Nuqqas tal-mineral jodju (iodine) li hu importanti ħafna biex jiġu ipproduċuti l-ormoni T3 u T4. Dan il-mineral jinstab primarjament fil-ħut u frott tal-baħar, jogurt, bajd u melħ bil-jodju. Hawn wkoll supplimenti.
– Bħala kumplikazzjoni tat-tqala
– Kawża ta’ terapija radjattiva jew ta’ effetti mhux mixtieq ta’ ċertu mediċini
– Problemi fil-glandola pitwitarja (pituitary), liema glandola tikkontrolla it-tirojde
– Mard awtoimmuni (autoimmune diseases)
Wieħed ikollu stampa ċara ta’ nuqqas tar-rata t’attivita’ fit-tirojde billi jagħmel test tad-demm.

It-trattament jinkludi it-teħid tal-mediċina msejħa levothyroxine li tissostitwixxi l-ormoni neqsin. It-tabib jiddeċiedi id-doża neċessarja skond ir-riżultati tat-test tad-demm.
Huwa importanti li din il-mediċina tittieħed fuq stonku vojt u dejjem fl-istess ħin tal-ġurnata. Idealment filgħodu kif inqumu ma’ tazza ilma u nistennew minn ta lanqas nofs siegħa qabel nieħdu il-kolazzjon.
It-tirojde iżda tista’ wkoll tipproduċi iżżejjed ormoni – dak li jissejjaħ hyperthyroidism. Din il-kundizzjoni hija inqas komuni minn tirojde b’rata baxxa.
Sintomi ta’ tirojde b’rata għolja jinkludu:
– Ansjetà u attakk nervuż- Palpitazzjonijiet – Problemi ta’ rqad- Nuqqas fil-piż- Rogħda- Ġilda rqiqa- Jiħfief ix-xagħar- Aktar sensittivita’ għas-sħana
– Nefħa fl-għonq
It-trattament għal kundizzjoni ta’ tirojde b’rata għolja jinkludi:
– mediċina (carbimazole; propylthiouracil)
– trattament ta’ radjazzjoni
– it-tneħħija tat-tirojde permezz ta’ operazzjoni
Problemi fit-tirojde jistgħu wkoll ikunu kawża ta’ kundizzjonijiet mediċi oħrajn kif wkoll il-kanċer tat-tirojde.

L-Ispiżjara Kathryn Galea