fbpx

L-Isbaħ ġurnata – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Kien filgħodu kmieni u Karen marret quddiem it-twaletta tħares lejn wiċċha. Sa fl-aħħar kienet waslet il-ġurnata li kulħadd kien ilu jistenna, dik li Karen u Carlos jiżżewġu u jsiru ta’ xulxin għal dejjem. Kulħadd kien eċitat għal dan il-jum iżda mhux Karen. Fuq barra kellha tbissima l-aktar ħelwa imma minn ġewwa kellha biss vojt.

Lil Carlos kienet tirrispettah ħafna imma għalkemm ipprovat ħafna drabi qatt ma rnexxielha tħobbu b’dik l-imħabba li kienet tħobb lil Frank, l-ewwel maħbub tagħha. Kienet intilfet wara Frank hekk kif saret tafu avolja ħafna kienu dawk li ħassrulha minħabba l-passat ikrah li kellu. Kienet temmen li kulħadd jista’ jinbidel u kellha fiduċja assoluta fih għalhekk baqgħet toħroġ miegħu bil-moħbi tal-ġenituri tagħha.

Għall-ewwel kollox kien miexi ħarir u dawn iż-żewġ żgħażagħ saru jinħabbu ħafna sakemm darba missierha sar jaf li kienet għadha qed toħroġ miegħu. Li kieku mhux għax ipprovat tikkalmah martu kien joqtolha dakinhar daqs kemm ħadha bi kbira. Qatt ma ried li bintu titħallat ma’ wieħed li skonta sentejn ħabs. Dakinhar li qalulu fuq bintu ħa xokk kbir imma mbagħad ix-xokk kien akbar meta kkonferma dak li kien sema’.

Heddidha li jekk ser tibqa’ miegħu kien lest ikeċċiha minn daru u ma jibqax jgħid li hi binthom. B’qalbha maqsuma qalet lill-maħbub tagħha li ser ikollha tinfired minnu mingħajr ma qaltlu r-raġuni x’inhi biex ma tkomplix tweġġgħu. Kien ħadha bi kbira ħafna li telqitu bħal erbgħa fost il-ġimgħa imma maż-żmien il-ferita bdiet tingħalaq u tfajla oħra kienet daħlet f’ħajtu.

Waqt li bdiet taħseb dan kollu demgħa ċċarċret għal fuq ħaddejha għaliex kienet taf li lil Frank tilfitu għal dejjem. Kienet taf ukoll li qatt mhu ser tkun kuntenta imma ma riditx tonqos lill-ġenituri tagħha, mhux issa wara li kienu waslu s’hawn. Kontra qalbha marret tlesti għall-ġurnata speċjali tagħha bit-tama għal futur aħjar.

Hekk kif rifset l-għatba tal-knisja kulħadd beda jitbissmilha u kif waslet fejn Carlos għannaqha miegħu. Kulħadd ammira l-imħabba ta’ din il-koppja hekk kif hi għannqitu magħha bis-saħħa kollha. Li ma kinux jafu hu li proprju dak il-ħin Karen reġgħet ftakret fl-ewwel maħbub tagħha u dik it-tgħanniqa kienet għal Frank biss.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese