Is-sena 2020 ser tibqa’ magħrufa għal kif biddilna r-reazzjoni tagħna lejn persuna li tkun għadha kif għatset. Qabel konna ngħidu bl-Ingliż ‘bless you’ imqassra minn ‘God bless you’, iżda fil-preżent kif nisimgħu persuna tagħtas nibdew naħsbu ħażin u xi ħarsa dubjuża ma tonqosx!
Huma bosta ir-raġunijiet il-għala persuna tagħtas. L-għatis huwa reazzjoni naturali tal-ġisem sabiex jeħles minn batterji u viruses sabiex jevita l-mard – għalhekk huwa importanti ħafna li wieħed jgħatti mnifsejh u ħalqu b’tissue meta jagħtas, jiddisponi mit-tissue fl-iskart u jaħsel idejh immedjatament wara! Persuna tista’ wkoll tagħtas minħabba kimiċi li jirritaw l-imnifsejn kif wkoll għal raġuni ta’ sensittivita’ bħal esposizzjoni fix-xemx kif wkoll waqt eżerċizzju fiżiku.
Biss l-għatis mhuwiex sintomu komuni ta’ l-infezzjoni tal-virus Covid-19. Ta’ min infakkru sew x’inhuma is-sintomi ta’ infezzjoni mill-virus Covid-19, liema sintomi sfortunatament huma simili għal dak li jista’ jkun possibilment riħ jew infezzjoni mill-viruses annwali ta’ l-influwenza.
Sintomi ta’ infezzjoni tal-virus Covid-19 jinkludu:
- Għejja u letarġija
- Sogħla xotta
- Imnieħer iqattar
- Deni persistenti
- Telf tas-sens tax-xamm u tat-togħma
- Uġiegħ fil-griżmejn
- Dijarea
- Uġiegħ fil-ġogi
- Qtugħ ta’ nifs
- Tagħfis fis-sider
Persuna infettata b’dan il-virus jista’ jkollha sintomu wieħed biss minn dawn jew saħansitra l-ebda sintomu! Għalhekk huwa vitali l-ilbies tal-maskra!

Fis-sitwazzjoni preżenti, meta persuna tħoss xi wħud minn dawn is-sintomi huwa importanti li tinżamm il-kalma u tiżola ruħha fid-dar, tintlibes maskra u kemm jista’ jkun ma titħallatx ma’ persuni residenti fl-istess dar. Swab test għandu jiġi ikkunsidrat aktar kemm il-persuna tiżviluppa is-sintomi jew aktar kemm jippersistu. L-importanza li persuna tagħmel swab test jiddependi wkoll mill-fatt jekk taħdimx jew tiltaqax ma’ persuni oħra fuq il-post tax-xogħol u jekk tgħix ma’ persuni vulnerabbli taħt l-istess saqaf. Ta’ min infakkar li sakemm isir l-iswab test u jinħareġ riżultat il-persuna għandha tibqa f’iżolament.
Tajjeb insemmu li swab test jirriżulta fil-pożittiv skond kemm ikun għoli il-livell tal-virus Covid-19 fil-ġisem. Jekk ikun għadu baxx, f’dak li nsejħulu perjodu ta’ inkubazzjoni, f’liema perjodu il-virus jibda jirreplika, l-iswab test jista’ jirriżulta fin-negattiv. Għalhekk huwa importanti ħafna li persuna li tirriżulta fin-negattiv xorta trid tieħu il-miżuri kollha neċessarji sabiex tipproteġi lil ħaddieħor mill-infezzjoni. Nisħaq l-importanza li persuni li jiġu f’kuntatt ma’ persuni pożittivi, għandhom jagħmlu dan it-test.
Is-sintomi ta’ infezzjoni mill-viruses annwali ta’ l-influwenza huma simili ħafna għal dak tal-virus Covid-19, għalhekk huwa importanti li tittieħed it-tilqima kontra il-viruses annwali ta’ l-influwenza sabiex kemm jista’ jkun innaqqsu aktar ir-rata ta’ l-infezzjonijiet minn dawn il-viruses.

Persuni infettati bil-virus ta’ l-influwenza wkoll għandhom jilbsu maskra u joqgħodu fi djarhom, il-għaliex dan il-virus jittieħed wkoll u jista’ wkoll ikun fatali għal persuni vulnerabbli.
Kif nistgħu intaffu is-sintomi ta’ infezzjoni?
Huma diversi il-preparazzjonijiet mediċinali li jistgħu jinxtraw minn spiżeriji li ma jirrikjedux riċetta ta’ tabib. Persuni bis-sintomi m’għandhomx imorru fi kliniċi jew spiżeriji. Komunikazzjoni ma’ spiżjara jew tobba tista’ faċilment issir permezz tat-telefown, email jew midja soċjali oħra. Tnedew wkoll numru ta’ pjattaformi online li joffru servizzi ta’ tobba.
Għad-deni tista’ tittieħed il-mediċina magħrufa bħala paracetamol. Iżda nisħaq l-importanza li din m’għandiex tittieħed bl-addoċċ. Kull doża ta’ paracetamol għal adult ma tridx taqbeż gramma (1g) u id-doża massima f’ġurnata hija ta’ erbgħa grammi (4g). It-teħid eċċessiv ta’ din il-mediċina għandu konsegwenzi serji partikolarment fuq il-fwied. F’każ li d-deni xorta ma jinżilx għandna ninfurmaw tabib.

Hemm diversi preparazzjonijiet oħra li jtaffu imnieħer iqattar jew imblukkat, uġiegħ fil-griżmejn u sogħla. Dejjem għandna nikkonsultaw mal-professjonisti mediċi qabel ma nieħdu xi preparazzjoni u m’għandna qatt noffru mediċina lil persuni oħrajn. Preparazzjoni li kienet effettiva fuq persuna, ma jfissirx li jkollha l-istess effett fuq persuni oħrajn u li tkun sigura għal saħħithom.
F’każ ta’ sintomi gravi bħal qtugħ ta’ nifs u tagħfis fis-sider għandna ninfurmaw tabib li jiggwidana skond il-gravita’ tas-sitwazzjoni.
Ma nistax ma insemmix il-kunċett żbaljat ta’ bosta li infezzjoni minn virus titfejjaq permezz tat-teħid ta’ l-antibijotiċi. L-antibijotiċi jiġu preskritti biss mit-tobba f’każ ta’ infezzjoni minn batterji u mhux minn viruses. Infezzjoni minn batterji tista’ tiġi ikkawżata sekondarjament wara infezzjoni primarja minn virus, li tkun baxxiet il-protezzjoni immunitarja tal-ħisem. M’għandniex nieħdu antibijotiċi bla bżonn!
Maskri jew visors?
Primarjament il-virus Covid-19 huwa trasmess permezz ta’ qtar infettiv minn għatis, sogħla jew bżieq minn persuni infettati. Skond l-organizzazzjoni tas-saħħa dinjija WHO studji għadhom għaddejjin jekk il-virus jittiħidx mill-arja iżda tirrakkomanda li sakemm ikollna evidenza ċara, xorta għandna nieħdu il-prekawzjonijiet kollha neċessarji.
Huwa fatt magħruf li il-qies tal-virus Covid-19 hu mikroskopiku, u għalhekk xorta jista’ jgħaddi mill-ġnub ta’ visor jekk inkunu qrib ta’ persuni infettati. Għalhekk hu irrakkomandat li tinżamm distanza ta’ żewġ metri bejn persuna u oħra u tintlibes maskra li tgħatti sew l-imnieħer u il-ħalq u tagħlaq sew mal-ħaddejn. Visor tista’ tintlibes fuq il-maskra skond l-għażla ta’ l-individwu.

L-Ispiżjara Kathryn Galea