fbpx

Meta Nemnem Il-Musbieħ (L-Ewwel Kapitlu – Parti e

Miktub minn
Reklam

“Lacey”

Sew konna smajna kien missiera qed jgħajtilha minn ġot-taraġ. Dak il-ħin insejt it-tgħarrix u ċ-ċajt kollu u erġajt ħassejt bħal kesħa kbira ddur ġo ġismi. Lanqas qatt ma naf li tela’ ’l hemm fuq matul il-lejl. Min-naħa kont niggustah għax dejjem smajtu jgħid:

“Jien fis-sular ta’ fuq m’għandix għalfejn nitla. Fl-ewwel żewġ sulari tad-dar għandi kollox. It-tielet sular huwa privat għalik Lacey.”

  U niftakar dakinhar darba minnhom dar lejja u qalli:

“U jekk tibqa’ ġġib rispett lil binti kif dejjem għamilt f’dawn l-aħħar xhur dak is-sular tibqa’ tgawdih magħha.”

Stramba kif dak il-lejl kien tela’ hemm fuq għalkemm sa dak il-ħin kien għadu fit-taraġ. Jien u Lacey tajna ħarsa kurjuża lejn xulxin u Lacey kienet pronta qaltlu biex jibqa’ tiela’.

“Ġej xi lejl twil mid-dehra hux?”, qalilna hekk kif daħal fil-kamra tas-sodda tagħna u xegħel id-dawl. Insomma iktar nista’ ngħid li ta’ Lacey l-kamra milli tagħna imma issa kont ilni għal dawn l-aħħar erba’ ġimgħat ngħix magħhom. Fuq wiċċu kellu tbissima li kienet turi li dak li qal kien qalu biċ-ċajt.

“Ngħidilkom il-verità qisu ma setax jaqbadni ngħas u smajtkom qed tidħku u ddeċidejt li nitla’ sa ħdejkom, jekk dejjem ma ndejjaqkomx”

“Hux iddejjaqna pà min jisimak. Mela din mhux darek wara kollox?”

Stramba l-ħaġa hux? Kif jista’ jkun semagħna nidħku mis-sular ta’ isfel? L-affari xejn ma daqqitli u wisq bdejt nibża’ li kien qiegħed jissuspetta xi ħaġa.

Wara li Lacey qaltlu dak il-kliem wiċċu qisu sserja u tagħni ħarsa li xejn ma għoġbitni, qisu rid jgħid xi ħaġa biha. Imma fil-verità ma qal xejn. U fuq wiċċu reġgħet tfeġġet it-tbissima li kellu ftit sekondi qabel.

“X’nagħmlu? Nilagħbu logħba karti jew?”

U hekk sar għax qattajna l-isbaħ siegħa nilagħbu il-famuża Xaka. Il-logħba favorita ta’ Paul. Logħba li qatt ma kont smajt biha qabel iltqajt miegħu. Skontu kienet ġiet ivvintata mill-bużnannu tiegħu u baqgħu jilagħbuha. Wara din is-siegħa kemm Paul u kemm Lacey dehru li kienu għajjew ġmielhom, l-iktar Paul li tgħidx kemm beda jagħti bir-ras. Saħansitra ħin minnhom tista’ tgħid li raqad bil-karti f’idu u ma qamx qabel semagħna nfaqqaw id-daħk.

“Aħjar tinżel torqod pà għax ħa tispiċċa tieħu xi tisbita minn fuq is-sodda.

“Naħseb aħjar ta. Ħa nara nħallikomx u grazzi tal-kumpanija tagħkom. Kelli bżonnha illejla.”

Ma’ dak il-kliem Paul qam, tefa’ l-kamra u nizel l-isfel bilmod. L-espressjoni ta’ wiċċ Lacey kienet waħda ta’ sorpriża xħin ħarset lejja u donna ridet tgħidli, dan x’tah illum? Imma minflok tagħtni bewsa u intefgħet taħt il-frixx. Jien għamilt l-istess bit-tir li jirnexxieli norqod imma le. Kien jidher li ġej lejl twil u kollu ħsibijiet għalija. Blossom il-qattus li kien qam hekk kif Paul xegħel id-dawl tal-kamra u mar iħuf ma’ kull kantuniera tad-dar, reġa’ sab ruħu fuq is-sodda. U jien? Jien bqajt newden u newden nistenna l-ewwel raġġi tax-xemx ifeġġu mit-tieqa.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese