fbpx

META NEMNEM IL-MUSBIEĦ (It-Tieni Kapitlu) Parti a

Miktub minn
Reklam

Id-dar riedet tinqasam bir-riħa li kellha. Ma nafx kif kien qed jirnexxieli nżomm fuq saqajja aħseb u ara kif bdejt insajjar. Vitella bil-panura moqlija u patata l-forn mimlija kollha ħwawwar. Il-patata l-forn tiegħi Lacey ma kienet tibdilha ma’ xejn. U la kont wegħdtilha ma ridtx inmur lura minn kelmti. Imma fil-verità lanqas flaħt inżomm fuq saqajja. Bdejt inħossni eżatt kif kont inħossni meta kont għadni xi għaxar snin iżgħar l-għada ta’ wara xi lejl Paceville nixrob il-vodka. Niftakar sew kemm kienet tirrabja miegħi oħti meta kienet tarani nixrob hekk minħabba l-ħsara li tagħmel però dak iż-żmien ftit li xejn kont nagħti każ. Kont insejt x’iġifieri hangover imma llum għal xi raġuni hekk bdejt inħossni, imma tal-inqas l-istonku kien f’postu. Il-lejl kien kiddni wisq u bejn toqlija u oħra ta’ dik il-vitella friska mħawwwra bil-panura bdejt niġġieled ma’ għajnejja biex ma jingħalqux.

“Kelli bżonn kont naf insajjar bħalek.”

Dak il-ħin kont aljenat u fl-istess ħin b’ seba’ għajnejn li ma tmurx tinħaraqli il-panura fiż-żejt ibaqbaq u nħsadt ftit. Kien Paul li bħal bintu l-platt tiegħi kienet taqalu żaqqu għalih.

“Ehh għażiż kunjatu mhux ta’ b’xejn li jien il-magħżul.”

Ma nafx kif ħareġ dak il-kliem minn ħalqi imma kull ma naf li stajt ninnota għajnejn Paul jitberrqu u kemm kemm ma ngħidlekx li rajt il-ħabba ta’ għajnejh tikber.

“X’inhu Rodney?”, qalli b’leħen sod.

“Heqq jien il-magħżul biex inkun ir-raġel ta’ bintek hux”.

Għalkemm mhux daqshekk konvinċenti stajt nerġa’ nara dik it-tbissima fuq wiċċu. U bil-ħlewwa kollha qalli:

“Sibna teżor fik Rodney. Lacey għaddiet minn ħafna u kienet donna qatgħet qalbha li għad issib ġuvni li jħobbha bis-serjetà. Imma mbagħad ġejt int. Emminni Ro, inħobbok qisek ibni.” U ma dak il-kliem resaq lejja u għannaqni.

“U x’qed jikkonfoffaw bejniethom il-boys eh dalgħodu?

Xi ġmiel ta’ mara. Kienet għadha ħierġa mix-xawer. Xagħrha kien għadu mxarrab mitluq ma’ spallejha, u ċ-ċilest ta’ għajnejha kien qed jiddi. Kienet liebsa flokk ħafif. Wieħed minn dawk il-flokkijiet tal-prinċipessi ta’ Disney li kienet tħobb toqgħod bihom id-dar matul il-ġurnata. Propjament illum kienet libset il-flokk favorit tiegħi. Ta’ Jasmine. Ikolli nammettiha li meta tkun hekk naraha attraenti wisq. Kważi kważi iktar minn meta tkun imbiddla u bil-makeup. Kont għadni mitluf inħares lejn dak il-ġmiel li kien hemm quddiemi meta b’inkejja qaltli:

“L-ikel fiex wasal? Għax qalbi qsamtieli bir-riħa tfuħ. Mhux aħjar tlesti l-ikel milli toqgħod titgħannaq ma’ missieri?”

“Qed tgħir jaqaw għax ma kienx qed jgħannaq lilek?” Kompla maċ-ċajta missierha.

Kont qed naqla’ l-aħħar biċċa laħam minn ġot-taġen u fil-pront smajna il-forn idoqq. Dak ifisser li l-patata kienet lesta ukoll. Lacey ħarġet il-platti, qlibt l-ikel u ntfajna mal-mejda fil-kumpanija ta’ flixkun inbid tat-tgħassir li Paul kien jiddobba kull tant żmien mingħand ħabib tal-qalb tiegħu.

“Bix-xieraq ngħidu talba żgħira x’taħsbu?”

Għalkemm ma kienx jifrekwenta l-knisja Paul ma kienx jibda jiekol mingħajr ma jgħid dik in-naqra ta’ talba spontanja. Xejn repettut u xejn minn dak it-talb li nafu s-soltu. Għal Paul dak huwa biss talb tal-pappagalli. Dejjem jgħid li t-talb irid jiġi mill-qalb allura jrid ikun spontanju u mprovizzat. Wara li Paul qal it-talba erġajna raddejna is-salib intfajna nirraġunaw mal-platt li kellna quddiemna u ovvjament mal-inbid ukoll… Ma għaddewx ħames minuti li ma smajniex ħoss ġej mit-tieni sular.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese