fbpx

Titlaqx! – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Kien jinsab f’rokna jibki xortih. Ma setax jemmen li dik il-mara li kellu quddiemu kienet ser titilqu. L-għażiża martu li għaliha u għal uliedu kien lest jagħmel kollox.

‘’Ma jistax ikun! Ma tistax tħallini hekk’’ Qalilha aktar minn darba.

‘’Ili li tlaqtek, int ma tridx iddaħħalha ġo moħħok. Jeħtieġ li timxi ‘l quddiem, ikun ta’ ġid għalik u aktar u aktar għat-tfal’’

Ma’ kull kelma li bdiet tgħidlu l-uġigħ ġewwa qalbu beda jħossu jiżdied. Kif jista’ jkun jgħix mingħajrha? Talabha bil-ħniena biex forsi terġa’ taħsibha u tibqa’ magħhom imma mid-dehra kien kollu għalxejn.

‘’Nitolbok, erġa’ aħsibha għalmenu jekk mhux għalija għal dawk l-anġli li għandna’’

‘’Taf li ma nistax! Qatt ma kien f’moħħi li nħallikom waħidkom imma issa ma jista’ jsir xejn aktar. Jien ninsab kuntenta kif jien ukoll. Int jeħtieġ li tibda’ taċċetta r-realtà’’

Dak il-fatt ma ried jaċċettah qatt. Qam minn fejn kien u mar dritt quddiemha biex juriha li hu ma kienx beħsiebu jaqta’ qalbu minnha. Ried juriha li hu għadu jħobbha b’qalbu kollha u li t-tnejn flimkien kellhom bżonn jippruvaw dak kollu li hu possibbli biex ma jinfirdux minn ma’ xulxin.

‘’Hemm bżonn li tifhimni. Jien naf li inti tħobbni għax kieku ilek li tlaqt u qatt m’erġajt lura’’

‘’Ma nistax inħallik f’din is-sura. Trid tagħmel il-kuraġġ biex terġa’ tibda tgħix ħajtek għax fl-aħħar ser jiddispjaċik! Issa jien ħa mmur u tinsiex, ftakar x’għedtlek’’

‘’Le titlaqx, ibqa’ hawn miegħi. Din id-darba mhux ser inħallik titlaq żgur!’’ U hekk kif qal dan il-kliem mar biex iżommha ħalli jgħannaqha miegħu. Imma hi sparixxiet u fil-kamra kien waħdu.

Dak il-ħin qam mir-raqda fonda li kien fiha u għal darboħra nduna li reġa’ ħolom bl-għażiża martu li kienet ilha mejta għal dawn l-aħħar tliet xhur. Ma setax jaċċetta l-fatt li l-martu kien tilifha darba għal dejjem iżda issa ried jisma’ minnha, ried jipprova. Dak il-ħin stess qam u mar għand il-ġenituri tiegħu biex jerġa’ jħaddan lil uliedu miegħu u flimkien ikomplu jgħixu ħajjithom eżatt kif xtaqet hi.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese