fbpx

Tagħrif siewi fuq il-Vitamini

Miktub minn
Reklam

Huma 13 it-total ta’ vitamini li jeżistu u ilkoll għandhom irwoli differenti li jgħinu l-ġisem sabiex jiffunzjona kif suppost u jżommuh b’saħħtu.
Bosta vitamini jinsabu fl-ikel li nieklu u għalhekk dieta bilanċjata ġeneralment hija suffiċjenti sabiex nieħdu il-vitamini li għandna bżonn.

Il-vitamini jitqassmu f’żewġ kategoriji : dawk li jiġu assorbiti f’siti fejn hemm ix-xaħam (fat soluble) li huma il-vitamini A, D, E u K, u dawk li jinħallu fl-ilma – dan qed nitkellmu fl-aspett fil-ġisem.
Minħabba li il-vitamini huma bżonnjużi f’ammonti żgħar, jiġu mkejla bil-milligrammi jew mikrogrammi (milligramma hija ekwilvalenti għal 1000 mikrogamma), kif wkoll jiġu imkejla f’international units (IU). Dan id-dettal ta’ kif jitkejlu id-dożi tal-vitamini inkludejtu sabiex wieħed jifhem sew li m’hemmx bżonn nieħdu ammonti kbar ta’ vitamini aktar minn kemm il-ġisem għandu bżonn. Infatti hemm linji gwida tad-dożi ta’ vitamini li persuna tista’ tieħu kuljum, liema linji gwida jeżistu għal kull eta’.

Dożi eċċessivi ta’ vitamini jirriżultaw fi ħsara u effetti mhux mixtieqa.

Il-Vitamina A
Benefiċċji:

– Issaħħaħ il-viżta speċjalment fid-dlam (night vision)
– Issaħħaħ is-sistema immunitarja
– Neċessarja għall-iżvilupp tal-ġisem
– Issostni il-fertilita’ u l-iżvilupp tat-trabi

Sorsi:
– Karotti, spinaċi, kale, patata ħelwa, qargħa ħamra
– Ġobon, ħalib, bajd, jogurt
– Fwied u ħut

Dożi Rakkomandati:
Adulti: 700 mikrogramma għal irġiel u 600 mikrogramma għan-nisa kuljum. Id-doża massima hija 1500 mikrogrammi. Dieta bilanċjata hija suffiċjenti sabiex tittieħed id-doża neċessarja ta’ vitamina A kuljum.
Nisa tqal m’għandhomx jieħdu vitamina A iktar minn kemm hu rrakkomandat (mhux iktar minn 10,000IU).

Il-vitamina D
Benefiċċji:

– Issaħħaħ l-għadam, is-snien u l-muskoli tal-ġisem billi tgħin l-assorbiment tal-kalċju
– Issaħħaħ is-sistema immunitarja
– Neċessarja għas-sistema tan-nervituri

Sorsi:
– Faqqiegħ, bajd, ħut bħal salamun u sardin, u ċereali
– Esposizzjoni fix-xemx diretta mingħajr protezzjoni solari għal mhux aktar minn kwarta kuljum

Il-vitamina D qed tissemma’ ħafna dan l-aħħar hekk kif għaddejjin bosta studji dwar il-possibilita’ li it-teħid ta’ din il-vitamina jnaqqas l-effetti gravi ta’ l-infezzjoni mill-virus Covid-19 fuq il-ġisem. Dan aktarx huwa minħabba il-fatt li l-vitamina D tgħin sabiex titnaqqas l-infjammazzjoni. Filwaqt li dawn l-istudji għadhom ma ġewx konklużi, huwa mportanti li din il-vitamina ma tititħidx f’dożi eċċessivi.

Dożi Rakkomandati:
Trabi taħt is-sena: 400IU kuljum
Tfal minn sena sa sittax-il sena : 600IU kuljum
Adulti: bejn 800IU u 1000 IU kuljum. Id-doża massima hija ta’ 4000IU kuljum. Preparazzjonijiet b’dożi aktar għolja għandhom jittieħdu fuq rakkomandazzjoni ta’ tabib.

Riskji ta’ dożi eċċessivi:
– Ammont eċċessiv ta’ kalċju fid-demm (iperkalċimja) li jista’ jirriżulta fi ħsara fil-kliewi, fil-qalb u fl-għadam. 
– Aktar stress fuq il-funzjoni tal-fwied.

Vitamina E
Benefiċċji:

– Din il-vitamina hija antiossidant. Hija tipprevjeni ħsara fiċ-ċelloli minn radikali ħielsa li niġu esposti għalihom minn duħħan tas-sigaretti, tniġġis
fl-arja u esposizzjoni fit-tul fix-xemx. Dan jipprevjeni il-mard tal-qalb,
il-kanċer u mard ieħor.
– Neċessarja fil-produzzjoni taċ-ċelloli u proċessi f’livelli ċellulari.

Sorsi:
– Żejt veġetali kif wkoll żjut taż-żebbuġa, sojja u tal-ġirasol
– Lewż, ġellewż, ġewż, karawett kif wkoll żrieragħ
– Spinaċi u brokkoli

Dożi Rakkommandati:
Adulti: 4 milligrami għall-irġiel u 3 milligrammi għan-nisa kuljum

Vitamina K
Benefiċċji:

– Tgħin sabiex jagħqad id-demm u b’hekk tipprevjeni emorraġija interna. Trabi tat-twelid tingħatalhom injezzjoni b’din il-vitamina sabiex jiġu evitati kumplikazzjonijiet relatati ma’ dan.
– Issostni is-saħħa ta’ l-għadam

Sorsi:
– Spinaċi, kale, brokkoli, kaboċċi. Persuni li jieħdu il-mediċina warfarina sabiex traqqaq id-demm, għandhom jieħdu ftit minn dawn il-ħxejjex billi l-vitamina K tinterferixxi ma’ l-effett ta’ din il-mediċina.
– Fwied, bajd u ħalib

Dożi Rakkomandati:
Adulti: Irġiel 120 mikrogramma kuljum u n-nisa 90 mikrogramma kuljum. Dieta bilanċjata hija suffiċjenti sabiex tittieħed id-doża neċessarja ta’ vitamina K kuljum.

Fl-artiklu li jmiss nitkellmu fuq il-vitamini li huma ikklassifikati bħala dawk li jiġu assorbiti f’siti fejn hemm l-ilma fil- (water soluble) fil-ġisem . Nerġa’ infakkar l-importanza li l-vitamini għandna nikkunsidrawhom bħala forma ta’ mediċina u għalhekk għandhom jittieħdu bil-moderazzjoni u fid-dożi irrakkomandati. F’każ ta’ dubju dejjem insaqsu lill-ispiżjar jew it-tabib tagħna.

L-Ispiżjara Kathryn Galea

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese