fbpx

META NEMNEM IL-MUSBIEĦ (Kapitlu 2) Parti b

Miktub minn
Reklam

Ma għaddewx ħames minuti li ma smajniex ħoss ġej mit-tieni sular. Dan x’kien? It-tlieta li aħna ħarisna lejn xulxin filwaqt li Paul litteralment waqatlu l-furketta b’biċċtejn patata mdeffsin fiha.

“Ikolli ngħid il-qattus waqqa’ xi ħaġa. Ħa mmur niċċekja”.

“Le pà ma naħsibx li l-qattus. Il-ħoss iktar kien qisu ta’ taħbit. Tmurx waħdek isma minni.”

Imma Paul deher determinat li ried imur jiċċekja waħdu. Mingħajr ma qal kelma oħra qam minn mal-mejda u telaq. Għax tgħid dan it-tieni sular misterjuż wisq. Kemm ilni noqgħod hawn lanqas qatt ma naf li rfist fih. Kont rajtu biss ħafif ħafif meta kienu qed iddawruni mad-dar l-ewwel darba li dħalt hawn ġew. Imma fejn fl-ewwel u fit-tielet sular Paul beda jiftaħ u jfiehmni dwar kull kamra u dwar l-użu tagħha, inkluż il-kamra tas-sodda tiegħu. Meta wasalna għat-tieni sular ma fetaħx kamra waħda. Kuritur twil b’xi għamara fih u ħamest  ikmamar magħluqa. Hekk kien jikkonsisti dan is-sular. Dakinhar qisni tħassibt ftit imma għall-mistħija u l-irġulija ma qadtx nistaqsih mistoqsijiet. U għadni sal-lum bil-kurżità. Fil-verità dan is-sular tista’ tgħid li ftit li xejn kien jintuża u meta konna fih dakinhar li dawruni d-dar stajt ninnota li kien daqsxejn mitluq iktar mis-sulari l-oħrajn u barra minn hekk anke stajt ninnota xi trabijiet fuq l-għamara tal-kuritur. Lacey tgħid li dak is-sular ma jintużax jekk mhux għax vera jkun hemm bżonn u s’issa qatt ma taf li wasal dan il-bżonn. Minn mindu kienet żgħira u kienet għadha ħajja ommha ma kienx jintuża. Meta ġieli staqsiethom għalfejn, dejjem qalulha li fis-sular ta’ isfel hemm kollox. U għalihom battikata joqgħodu jieħdu ħsieb sular ieħor li fil-verità mhemmx bżonn jintuża. Imbagħad kien hemm it-tielet sular. Is-sular fejn kellha l-kamra tas-sodda Lacey. Sular li llum il-ġurnata tista’ tgħid fih kollox anke kċina. Baqalu biss il-kamra tal-banju li skont kliem Paul dalwaqt kellhom jiġu l-ħaddiema jibdew jaħdmu fuqha, f’waħda mill-kmamar li bħalissa kienet tintuża biss għaż-żraben ta’ Lacey.

Il-ħoss li smajna ma kienx ta’ xi ħaġa qed taqa’ imma qisu ta’ taħbit ma’ xi bieb. Possibbli ma beżax jitla’ waħdu jiċċekja? Jew kellu xi ħaġa x’jaħbi minnha? Imma ngħid jien x’seta’ jaħbi minn bintu l-għażiża? Jien u Lacey konna għadna ma għidnix kelma waħda meta smajna tinwieħa ġejja mill-kamra tal-imbarazz. Kien Blossom il-qattus. Mela allura ma setax ikun li kien il-qattus li waqqa’ xi ħaġa hemm fuq. Kieku konna narawh għaddej hu u sejjer lejn il-kamra tal-imbarazz. Blossom kien ilu f’dik il-kamra minn qabel ma bdejna nieklu u ma noħodiex bi kbira wisq għax dik il-kamra ma nafx għal liema raġuni kien iħobb iqatta’ wisq ħin fiha. Il-ħarsa li tajna lil xulxin jien u Lacey kienet tfisser l-istess ħaġa. Mela allura ma setax kien Blossom. Dehret ħa ċċaqlaq xuftejha biex tgħid xi ħaġa meta fil-pront wasal ħdejna Paul.

“Sew għidtilkom il-qattus kien.”

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese