fbpx

Ix-Xewqa – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Mark u Krista kienu ilhom miżżewġin sitt snin. Wara sena żwieġ kellhom tifla l-ġmiel tagħha u kienu kuntenti tghidx kemm, biss f’dawn l-aħħar sitt xhur l-affarijiet bejniethom kienu bħal donnhom sejrin mill-ħażin għall-agħar. L-argumenti kienu saru xi ħaġa ta’ kuljum u ħadd minnhom ma kien iċedi biċċa lanqas fejn tidħol it-tifla.

Lucy kienet waslet biex tagħlaq sninha. Wara ħafna battiketti bejniethom iddeċiedu li jorganizzawlha festin ċkejken biex tkun tista’ tiċċelebra għeluq sninha mall-familja kollha. Imbagħad bdew jaħsbu x’rigal setgħu jixtrulha biex jagħmluha ferħana għalhekk ippruvaw joħdulha minn rasha.

‘’Ħa jkollok sorpriża sabiħa tafx f’għeluq sninek’’ Qaltilha ommha

‘’Veru mamà? X’ser tagħmilli mela?’’

‘‘Jekk ngħidlek ma tibqax sorpriża hux!’’

‘’Il-Papà jaf ukoll bis-sorpriża?’’ Reġgħet saqsiet lil ommha

‘’Dażgur li jaf. Allura pupa għidli, hemm xi ħaġa li vera vera trid ħalli nitolbu l-bambin għaliha u jkun jista’ jġibilek?’’

‘’Iva hemm xi ħaġa imma ħa nżommha ġo moħħi u qabel naqsam il-kejk ngħidlu x-xewqa li għandi, hux ħa jkolli kejk mamà?’’

‘’U mela ma jkollokx! Issa mur kompli ilgħab għax daqt nieklu’’Għaddew aktar ġranet u l-missier ukoll ipprova jara x’ġugarell trid bintu imma din baqgħet issosstni li qabel taqsam il-kejk ma tgħidilhomx għalhekk qabdu u xtrawlha pupa kbira li kienu ċerti li ser togħġobha żgur.

Il-Festin wasal u t-tifla kienet ferħana se ttir bis-sorpriża li tawha l-ġenituri tagħha. Sa fl-aħħar kienet waslet il-parti tal-kejk li tant kienet ilha tistenna. Ommha u missierha reġgħu fakkruha fix-xewqa li trid tagħmel u hekk kif tfiet ix-xemgħat ommha newlitilha r-rigal biex tiftħu. Ferħet immens bil-pupa u bdiet tgħannaqha magħha mbagħad missierha refagħha u staqsiha.

‘’Qtajtha x-xewqa li għamilt lill-bambin?’’

‘’Għadni ma nafx papà’’

‘’Kif ma tafx?’’

It-tifla għamlitilhom sinjal le b’rasha u ma tkellmitx għalhekk reġgħu għamlulha mistoqsija oħra. Ftit wara qaltilhom.

‘’Ix-Xewqa li għamilt hi biex il-bambin iżomm idejh fuqkom ħalli ma tiġġildux aktar għax jien inkun imdejqa ħafna meta tkunu miġġildin. Wegħedtu wkoll li jekk jismagħni lesta ntih ir-rigali kollha li qlajt illum biex itihom lil dawk it-tfal li m’għandhom mamà u papà”

Għad-diskors tat-tifla ħadd ma lissen kelma oħra. Minflok marru jgħannqu u jbusu lil binthom bit-tama li ‘l quddiem jkollhom ġejjieni aħjar flimkien.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese