fbpx

META NEMNEM IL-MUSBIEĦ (Kapitlu 2) Parti ċ

Miktub minn
Reklam

Dehret ħa ċċaqlaq xuftejha biex tgħid xi ħaġa meta fil-pront wasal ħdejna Paul.

“Sew għidtilkom il-qattus kien.”

Jekk jien kelma nżommha fl-istonku, Lacey ma tantx hi l-istess. Kapaċi ta’ wkoll imma bil-limitu. U naħseb hawn Paul kien qabeż il-limitu tagħha.

“Le pà, ma kienx il-qattus. Kun għaf li Blossom qiegħed fil-kamra tal-imbarazz u ilu hemm u ftit sekondi ilu smajnih inewwah. X’ġara hemm fuq?”

“Għandek raġun Lacey għax mhux il-qattus tagħna kien.” Wiċċu kien qisu qed jibdel il-kuluri għax kien induna li kien inqabad f’gidba u kompla jgħid: “Sibt il-kamra ta’ ġewwa li tagħti għal fuq il-ġnien miftuħa u daħal qattus minnha. Aktarx infetħet bir-riħ qawwi li għamel dan il-lejl.

Lacey ma tantx kont ħa tgħaddiha minn għajn il-labra infatti kont bqajt skantat kif kienet emmnet l-iskuża tiegħi tax-xogħol il-lejl ta’ qabel. U la ma kinitx konvinta ma tantx kienet ħa ċċedi l-argument.

“U l-qattus x’sar minnu issa?”

“Xħin rani reġa ħareġ mit-tieqa u qabeż għal fuq l-istess siġra li tela’ magħha. Issa mhux aħjar inkomplu nieklu qabel isir kollox żorba? Heqq mhux sew fuq Rodney hux wara kemm ilu jippreparalna.”

Il-ħarsa ta’ Lacey xejn ma dehret konvinċenti imma ddeċidiet li ma taqlax iktar paroli u dak kien l-aħħar kliem li ntqal tul il-kumplament tal-ikla. Is-soltu tgħidx kemm kien idum ifaħħar l-ikel Paul meta nsajjru jien jew Lacey imma llum qisu kellu ġenn biex jeħles minnha. Xħin lesta mill-ikel qalilna li kien se joħroġ. Mar f’kamartu biddel u telaq. Mhux soltu! Is-soltu l-Ħadd wara l-ikel kienet għaxqa tiegħu jintefa fuq is-sufan ikebbes il-pipa, li kienet taqsam id-dar bir-riħa tagħha u jqatta’ l-isbaħ sagħtejn idur il-gazzetti kollha lokali. Kollha kien jixtrihom għax minn dejjem jemmen li biex tkun taf il-verità kollha trid taqra l-gazzetti kollha. Għalkemm ma tantx kien jitkellem magħna fuq hekk però l-politika kienet tinteressah fejn u anke l-aħbarijiet ta’ filgħaxija tar-radju u tat-televixin kien jipprova jsegwihom kollha.

“Dan x’tah il-papà llum? Mhux soltu tiegħu li joħroġ wara l-ikla tal-Ħadd.”

Jien kont ċert x’qed jiġri. Paul kien qed jaħbilna xi ħaġa u biex żgur ma jerġax jaqa’ l-kliem fuq li ġara bewweġ il-barra. Imma tgħid dak li ġara llum fit-tieni sular għandu x’jaqsam mad-diskursata ta’ dan il-lejl? U jekk iva x’konnessjoni jista’ jkun hemm?

“Rod taf li qed inkellmek?” Ħasadni leħen Lacey wara li għal mument kont inqtajt f’dinja ta’ ħsibijiet.

“Iva qalbi u ġo qalbi hekk kont qed ngħid. X’seta’ ġralu llum? ”

“Jien xejn ma jneħħili minn moħħi li hemm fuq ġara xi ħaġa u ma jridx jgħidilna. X’nagħmlu nmorru niċċekjaw?”

Kif ġa għidtilkom fit-tieni sular ma konniex nitilgħu. Kważi kważi kien qisu projbit u issa Lacey riedet titla’ hemm u ddur fil-kmamar.” Qisni bdejt nibża. Ma nafx imma qisu xi ħaġa beda jżommni lura u barra minn hekk kont naf li l-kunjatu ma kienx ħa jieħu gost jekk isir jaf li tlajna hemm. Imma fl-istess ħin kelli kurżità kbira.

“Ma nafx qalbi. Ngħidlek il-verità għandi kurżità kbira imma nibża li jiġi u jsibna hemm fuq.”

“Allura? M’hemm ebda tabella jew regola li tgħid li ma nistawx nitilgħu hemm. Vera li qisu ma tantx jieħu gost min jitla’ fih imma jien mhux ħa noqgħod bil-kurżità. Tlaqna.”

U ma’ dak il-kliem irħejnila lejn is-sular misterjuż. Tlajna u bdejna nduru kamra kamra imma ma stajna nsibu xejn partikolari. Meta wasalna fil-kamra tan-nofs, bil-bieb miżbugħ griż skur u għamla tal-ħadid sibnih imsakkar.

“Dan dejjem imsakkar ikun Lac?”, kien l-ewwel kliem li ħareġ minn ħalqi.

“Hekk jidhirli ta. Il-ftit li kelli bżonn nitla’ hawn fuq dejjem imsakkar naf li kien għax ngħidlek il-verità ġieli tlajt inħuf ftit għax dejjem kelli suspett li dan is-sular għandu xi ħaġa li missieri ma jridx juri minnu. U jkolli ngħid din il-kamra hija l-fulkrum ta’ kollox. Ġieli pruvajt nara nsibx iċ-ċavetta tagħha wkoll imma qatt ma rnexxieli u l-kamra tas-sodda tiegħu dejjem msakkra tkun meta ma jkunx fiha.”

Komplejt nikkonferma kemm Lacey mhux la kemm tidħak biha malajr u kapaci tinvestiga daqs l-aqwa investigatur professjonali.

“Jidher li ma sibna xejn ta’ barra minn hawn. X’nagħmlu aħna? Ninżlu naħslu l-platti forsi wara nistrieħu ftit. Dal-lejl ftit irqadt u għandi bżonn nipprova norqod ftit?”

“Iva mela tlaqna l-isfel.” Lacey qabdet it-triq biex ninżlu isfel. Konna wasalna f’nofs it-taraġ meta f’daqqa waħda waqfet u dahret lejja.

“U jien u int irridu nitkellmu naqra sew ta.”

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese