fbpx

IL-BIEB TAL-KANTINA It-tielet parti – Storja miktuba minn Jenson Elsworth

Miktub minn
Reklam

Għaddew jumejn minn dakinhar li dort dawra fil-kantina. Ma tantx kelli ċans ninżel minħabba l-fatt li nannti kienet kemmxejn ma tiflaħx. Minħabba f’hekk ma rifsitx mill-bieb l’ barra. Kif ukoll bdejt nieħu ħsiebha. Kelli sebgħa mitt sena biex ninżel hemm isfel, imma bżajt li tgħajjatli n-nanna għal xi għajnuna u ma nismagħhiex. B’hekk qtajtha li nistenna l-waqt opportun u stennejt aktar.

Għaddew ftit ta’ jiem oħra u n-nanna kienet b’saħħitha reġgħet, allura tista’ timmaġina x’għamlet. Telqet il-quddies bħala parti mir-rutina tagħha. Kelli kollox preparat. Inżilt ġirja sal-kantina qisu l-bieb ħa jaħrabli. Dan il-bieb kien misteru enormi għalija u kont determinata biex niskopri x’hemm mistoħbi ġewwa. U fl-aħħar inkun naf dwar din is-segretezza kollha. F’daqqa t’għajn ftaħt il-bieb. Ma stajtx nistaporti aktar. Bejn imbeżża’ li nsib xi ħaġa mhux sabiħa għal għajnejja u bejn entużjasta ħalli niskopri xi sigriet. Li naf li dik il-karba tal-waħx li smajt l-aħħar darba m’għoġbitni xejn. Imsomma, inżilt dan l-imbierek taraġ ftit ftit. Domt nieżla ftit. Kien estiż, iżda fl-istess ħin bdejt ninżel inkiss inkiss. Qisu moħħi qiegħed jgħidli biex ma nagħmilx ħoss żejjed. It-terrur li qed inħoss qiegħed jagħmel tiegħu.

Rajt id-dawl. It-taraġ irritani u waħħaxni. B’hekk ħaffift. Faċċata ta’ dan il-kurutur kien hemm bieb bil-vireġ tal-ħadid imsakkar. Minn hemm beda jgħaddi d-dija ta’ dawl li beda jillumina l-kurutur. Kif kont miexja lejh ilmaħt żewġ bibien; wieħed fuq ix-xellug qadim, arkajk, l-injam kważi mfarrak u ż-żebgħa migrufa kollha u wieħed fuq il-lemin lewn isfar skur, il-pum tal-bieb jidher qisu ġdid, u ż-żebgħa qisha għadha kemm tieħu passata riċenti. Moħħi l-għaref imur għall-akbar misteru, u mort għal tax-xellug.

Kif dħalt, bilkemm stajt nara xi ħaġa. Xegħlt l-iswiċċ li kont fortunata li ħadem. Id-dawl beda jteptep. Kienet kamra mimlija mbarazz tal-baħar; dgħajsa, moqdief, kaxxa tal-injam kbira u ħwejjeġ ta’ baħħara fost oħrajn. Fuq dgħajsa minnhom kien hemm isem familjari: ‘Ċikku’. Din il-kamra ta’ nannuwi. Kemm hi mirakuluża. Mdaqqsa. Qisek dħalt f’mużew qadim. Għalkemm affaxxinanti, il-ħajt jidher qisu ħa jaqa’, inkwatri mdendlin, l-art tfaqqa’, kullimkien trab u l-ixkafef qishom ħa jinqasmu. Għidt aħjar noħroġ il-barra għax jidher li kollox ħa jaqa’ daqs kemm hi qadima l-kamra u l-ġebla mielħa. Fil-fatt qabel ma ħriġt waqa’ armarju bl-ixkafef u waqgħu bosta bottijiet taż-żebgħa. Tlaqt għal kamra l-oħra għax twerwirt.

Il-kamra tal-lemin kienet pjuttost spazzjuża wkoll. Ikkulurita. Ġugarelli qodma stivati fuq xkaffa. U oġġetti divini. Jidhru prezzjużi minħabba l-fatt li qedgħin ġo vetrina qishom ħadd ma jista’ jmisshom. Kamra ta’ xi tifel qed nara. Mimlija oġġetti tas-subien. Imma l-mistoqsija hi “ta’ min?” Fir-rokna hemm lapida, b’ritratt ta’ tifel gustuż ta madwar tmien snin. Bl-isem “Salvinu Zammit”. “Zammit kunjom in-nanna u n-nannu. Imma dan it-tifel min hu?”, għidt bejni u bejn ruħi.

Tkompli.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese