fbpx

Il-Vizzju tal-logħob. L-Ewwel Parti – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Il-Vizzju tal-logħob

Kif semgħet iċ-ċavetta ddur fis-sallatura nħasdet. Dan kien ifisser li żewġha ġie lura wara nofstanhar jiġri barra. Kull meta jasal lura d-dar ikollha msarinha f’saqajha għax kull darba jagħmel ix-xenati ħabba l-flus u jispiċċa jwerwer it-tfal.

Kif daħal mar dritt fil-kamra tas-sodda u beda jiftaħ u jqalleb f’kull kexxun. Martu li basret x’mar jagħmel ippruvat twaqqfu.

‘’X’qed tfittex John?’’

‘’Il-Flus u ma nista’ nsib xejn Connie! X’għamilt bihom, fejn ħbejthom?’’

‘’Ma fadalx flus’’

‘’Ma jistax ikun li ma fadal xejn!’’

‘’Ma taħdimx u kull sold li jkollna tispiċċa tmur tilgħabhom. Jekk ma taqtax dan il-vizzju m’aħniex ser nieħdu ruħ’’

Kif qaltlu hekk beda jkisser kull ma kien hemm fuq it-twaletta.


‘’Ieqaf John nitolbok! Qed tkisser kollox, ma fadlilna xejn!’’

‘’Ma jimpurtanix! Ara min fejn se ġġib il-flus. Jien ħiereġ u jekk x’ħin niġi ma nsib xejn b’rasek idur!’’ U mingħajr ma taha ċans tkellmu qabad u telaq ‘il barra.

Hekk kif tbaxxiet fl-art biex forsi ssalva xi figorin li ma rnexxilux ikisser żewġha infaqgħet tibki. Ma kinitx taf x’ser taqbad tagħmel aktar. F’daqqa waħda ħasset id tmellsilha xagħarha u kif ħarset rat lil binha b’ħarsa miksura f’għajnejh.

‘’Tibkix mamà’’

‘’M’iniex qed nibki sabiħ’’

‘’Fejn mar il-papà?’’

‘’Ħareġ ftit imma daqt jerġa’ jiġi’’

‘’Ħa mamà la jiġi tih din ħalli ma jsawtekx’’ U kif qal hekk ħareġ munita mill-but u newwilha lil ommu. Qalbha ħassitha tingħafas għall-kliem ta’ binha. Dak il-ħin għannqitu magħha u qaltlu.

‘’Kemm qed tbatu minn ħabba fina. Kemm nixtieq nagħmel xi ħaġa biex nerġgħu ngħixu kuntenti bħal qabel’’ Imbagħad qamet u marret iġġib xkupa biex tiġbor il-ħġieġ li kien hemm fl-art. Poġġiet fuq is-sufan taħseb f’soluzzjoni qabel jispiċċaw barra t-triq bla saqaf fuq rashom. Iż-żgħira bdiet tibki għax kellha l-ġuħ u kull ma setgħet issajjar kien ftit għaġin bit-tadam għax dak biss kien fadal.

Dak il-ħin ċemplet il-qanpiena u marret tara min ġie imma hekk kif fetħet il-bieb ħasset id taqbadha minn għonqha u rassitha mal-ħajt.

‘’Għid lil żewġek li jekk sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa mhux ser iħallas id-dejn kollu li għandu int u uliedek sejrin minn taħt! Qies li tgħidlu!’’ U kif qal hekk telaq minn fejn ġie. Ma ndunax li fil-kantuniera kien hemm John li sema’ kollox. Kif daħal id-dar sab lil martu mal-art tibki u mar jgħinha bex tqum.

Mill-ħarsa ta’ wiċċu ndunat li kien diġà jaf b’kollox u ma kienx hemm għalfejn tirrepeti l-istess kliem.

‘’Ma nistgħux inkomplu ngħixu hekk John. Irridu naraw x’ser nagħmlu għax qed nitkissru!’’

‘’Għandek raġun, għada mmurr infittex l-għajnuna’’ u daħal ġewwa.

Kienet taf li dak kien kollu kliem fieragħ għax jekk tħalli f’idejh ma jsir xejn. Hi riedet tkun biex forsi jitbiddlu l-affarijiet u din id-darba kien jeħtieġ li tagħmel xi ħaġa malajr.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese