Kundizzjoni komuni ħafna lokalment hija dik tal-pressjoni għolja.
Imma xi tfisser li persuna jkollha pressjoni għolja?
Il-pressjoni tad-demm hija relatata mas-sistema kardjovaskulari li tikkonsisti fil-qalb, l-arterji u il-vini tal-ġisem. Il-qalb hija il-pompa li tiċċirkola id-demm madwar il-ġisem. Dan huwa neċessarju il-għaliex
id-demm iġorr l-ossiġnu u nutrijenti li għandna bżonn kif wkoll jeħles
mill-kimiċi li m’għandniex bżonn fosthom id-dijossidu tal-karbonju.
L-arterji jġorru id-demm bl-ossiġnu u n-nutrijenti filwaqt li l-vini iġorru
id-demm li jkun irid jiġi iffiltrat minn organi oħra bħal pulmun u l-fwied.
Il-pressjoni hija neċessarja sabiex id-demm jiċċirkola mal-ġisem, iżda meta dan jiġri kontinwament b’rata għolja hemmhekk il-persuna tiżviluppa
il-kundizzjoni magħrufa bħala il-pressjoni għolja.
X’jikkawża dan?
- Dieta li tikkonsisti f’ħafna melħ u xaħmijiet. Ix-xaħam jiddepożita
fil-ġnub ta’ l-arterji matul iż-żmien u jirriżulta fi djuq – għalhekk ikun jinħtieġ li d-demm jiġi ippumpjat bi pressjoni aktar għolja - Storja fil-familja ta’ pressjoni għolja jew ta’ kolesterol għoli
- Kawża ta’ kundizzjonijiet oħra ta’ saħħa bħal problemi fil-kliewi u dijabete
- Nuqqas ta’ eżerċizzju fiżiku
- Obesita’
- Stress
- Teħid tat-tabakk u x-xorb alkoħoliku
- L-eta’ – hemm tendenza li persuni anzjani jiżviluppaw pressjoni għolja
X’inhuma is-sintomi ta’ pressjoni għolja?
Il-pressjoni għolja tista’ iddum snin sakemm persuna tinduna b’din
il-problema il-għaliex ma jkollha l-ebda indikazzjoni.
Uħud mis-sintomi jinkludu:
- Uġiegħ ta’ ras frekwenti
- Tinfaraġ spiss
- Ħmura fl-għajnejn
- Ħmura tal-ġilda fil-wiċċ
- Sturdament
- Problemi fil-viżta
- Rass fis-sider
- Il-qalb tħabbat b’rata aktar mgħaġġla
- Attakk nervuż u persuna togħroq aktar
Bosta spiżeriji u kliniċi joffru is-servizz li jkejlu il-pressjoni fid-demm kif ukoll ir-rata li biha tħabbat il-qalb. Dan jista’ wkoll faċilment isir id-dar. Tajjeb ngħid li dan it-test ma jinvolvix xi titqiba iżda sempliċiment persuna tiġi mlibbsa faxxa ma’ l-id li tkun imqabbda ma’ magna li tippressa fuq l-id
filwaqt li tkun qegħda bilqiegħda. Tajjeb li qabel ma jsir dan it-test ma tkunx saret attivita’ fiżika qawwija il-għaliex dan jista’ jirriżulta f’riżultat skorrett.
Il-kejl tal-pressjoni normalment għandu jkun 120 fuq 80 millimetri ta’ merkurju (120/80 mmHg) filwaqt li għal persuni li jbatu mid-dijabete
in-normal jista’ ikun daqxejn aktar (140/90 mmHg).
Kumplikazzjonijiet ta’ pressjoni għolja jinkludu attakk tal-qalb, puplesija, problemi fil-kliewi kif wkoll fil-viżta.
Kif nistgħu innaqqsu il-pressjoni għolja?
- Nagħmlu aktar eżerċizzju fiżiku
- Tnaqqis fil-piż
- Dieta bilanċjata ftit li xejn melħ u preservattivi
- Tnaqqis fit-teħid tat-tabakk u alkoħol
- Tnaqqis ta’ stress permezz ta’ meditazzjoni jew xi passatemp
Pressjoni għolja li ma tiġix regolata minn dawn il-miżuri imsemmija tkun tinħtieġ li tiġi regolata permezz tal-mediċini. Huma bosta il-mediċini disponibbli lokalment sabiex jirregolaw din il-kundizzjoni, liema mediċini jridu jiġu preskritti minn tabib. Intenni bħal dejjem li m’għandna qatt
nagħtu mediċini għal xi kundizzjoni komuni lil persuni oħra, il-għaliex kull persuna għandha l-istorja medika tagħha u mediċina li tkun effettiva fuq xi ħadd mhux bilfors tkun ta’ ġid għal ħaddieħor.

L-Ispiżjara Kathryn Galea