“Iva mela tlaqna ’l isfel.” Lacey qabdet it-triq biex ninżlu isfel. Konna wasalna f’nofs it-taraġ meta f’daqqa waħda waqfet u dahret lejja.
“U jien u int irridu nitkellmu naqra sew ta.”
Dak il-ħin ħassejt saqajja litteralment jeħlu mal-irħam safrani tat-taraġ. X’riedet tgħidli? Dwar xiex hemm bżonn nitkellmu? Tgħid indunat b’xi ħaġa? Jew issuspettat li tax-xogħol kienet biss skuża?
“Int ħa tibqa’ hemm f’nofs it-taraġ qisek figurin taċ-ċaqquf?” Taf x’qiegħda nistħajlek? Il-figurin li kellha ommi fit-taraġ. Hemm ara kien ftit ’l fuq minn fejn qiegħed int f’dik il-kantuniera żgħira. Kien spiċċa biċċiet grazzi għal Blossom. Ejja int nieżel jew le ġaħħu?” Qaltli bid-daħka fuq xuftejha.
La qiegħda tidħak ma naħsibx li hemm affarijiet serji xi trid tgħidli. Komplejt nieżel warajha u bqajt miexi warajha sakemm wasalna fil-kċina.
“Għidli x’hemm bżonn nitkellmu jien u int?”
“Taf li kemm ilek torqod hawn int Blossom għadu lanqas raqad darba fuq in-naħa tiegħi? Dejjem imrekken miegħek qiegħed jorqod. Ara dak lanqas kien jgħaddi lejl li ma jiġix jitrekken in-naħa tiegħi.”
Eh dan li ridet tgħidli? Dak il-ħin li kieku kellhom jeħduli scan ta’ qalbi kienu jaraw bidla drastika l-isfel fid-daqqiet li kienet qiegħda tagħti.
“Heqq forsi rani isbaħ minnek hux. Jew forsi qed ixommok tinten mal-lejl u jiġi jintrass miegħi.”
“Kont se ngħidlek x’ixomm.” Dak il-ħin inzertat kienet qiegħda ħdejn il-pultruna l-antika li kien hemm fid-daħla tal-kċina li iktar kienet tintuża biex nitfgħu l-ġgieket u l-affarijiet fuqha milli biex inpoġġu. Kellha kuxxin ta’ lewn aħmar, ratba u mhux l-ewwel darba li Lacey użatha biex titfagħha taħt is-siġġu waqt l-ikel u lanqas kienet l-ewwel darba li spiċċat l-arma tagħha waqt xi ċajta bejnietna. Qabdet din il-kuxxin u wadbitili u ġiet eżatt f’wiċċi. Kif laqtitni għajjat għajta ta’ uġigħ u bdejt ngħatti għajnejja. Kif rat hekk Lacey inħasdet u ġiet tiġri fuqi.
“Weġġajtek qalbi? Sorry taf li biex niċċajta hux? Ħa nara għandekx xi ħaġa f’għajnejk.”
Hekk kif wiċċha ġie ma’ wiċċi biex tiċċekja għajnejja.
“BUUUU”, u faqqajt daħka minn dawk il-kbar.
“X’qata tajtni ħsibt li weġġajtek vera. Ajma kemm int imqareb, imma xorta nħobbu ta jien. Taf li nħobbok hux Rodney?”
“Anke jien inħobbok ħafna qalbi u rrid li kemm indum ħaj int tkun l-iktar tfajla kuntenta fid-dinja. Irrid li ngħamillek il-ħolm ta’ ħajtek realtà”
Issa kien imiss lilha li tidħak u bejn daħka u oħra qaltli: “Ijsa hey il-prinċep tiegħi… Anzi iktar minn hekk il-kavallier tiegħi”, u kompliet tidħak.
Jien biex inkompli maċ-ċajta għidtilha: “Il-kavallier b’ilbies tal-fidda jleqq”.
F’daqqa waħda bħal donnha isserjat. Eżattament ma stajtx nifhem x’ġara. “Qalbi naf kemm tħobbni u li trid tarani dejjem kuntenta u dwar dak m’għandix dubbju li se tagħmlu anzi nista’ ngħid li kemm ilni miegħek diġà sirt l-iktar tfajla kuntenta tad-dinja. Imma dwar il-ħolm ħa jkolli niddiżappuntak. Għaliex jekk jirnexxilek tgħamilli l-ħolm tiegħi kollu realtà, hemm ħolma partikolari li żgur ma tistax”.
Mingħajr tlaqliq jien staqsejtha x’kienet din il-ħolma u hi qaltli li minn dejjem xtaqet li s-siefer imma missierha qatt ma rid lanqas miegħu aħseb u ara kemm waħedha.
“Skont missieri l-ajruplani u l-vapuri li jivvjaġġaw fit-tul huma perikolużi ferm u kull darba li nipprova nikkonvinċih biex forsi xi darba nsiefru jibda jsemmi l-istorja tat-‘Titanic’ u ma nafx kemm il-storja fuq ajruplani li ġġarfu. Ikolli ngħid li dawk il-films kollha li jara qed jaffetwawh ħazin wisq.”
“Imma meta tkellimna dwar safar jien u int qatt ma semmejtli xejn dwar dan.”
Lacey bħal donna bdiet tistħi issa u fl-istess ħin b’dik it-tbissima ħelwa qaltli. “Dejjem kont nistħi ngħidlek għax forsi tgħid din x’inhi? Imma dik hi l-verità qalbi.”
Qaħqaħt naqra griżmejja u dħalt fil-parti tal-kavallier. L-ewwel ħaġa li sibt quddiem għajnejja kienet l-ixkupa isserrah mal-ġenb tal-friġġ. Qbattha u għattilha: “U l-kavallier tiegħek qiegħed hawn biex jgħamillek din il-ħolma realtà.”
“Eh u bl-ixkupa ħa tgħamilili realtà?”
“Fejn qed tara l-ixkupi int? Dik ix-xabla lewn id-deheb tiegħi li biha jien negħleb kull tip ta’ ostaklu li jiġi quddiemi.”
Komplejna nidħku flimkien, mumenti bħal dawn kienu wisq għeżież għalija u dejjem kont nagħmel ċert li jkunu preżenti fir-relazzjoni tagħna. Meta batta d-daħk bdejna nnadfu l-kċina u ma domniex ma lestejna.
“Issa mhux aħjar nmorru nistrieħu ftit x’taħseb? Għax bħalissa iktar qisek zombie milli kavallier.”
