fbpx

IL-BIEB TAL-KANTINA L-aħħar parti – Storja miktuba minn Jenson Elsworth

Miktub minn
Reklam

Min jista’ jkun dan ‘Salvinu?’ La nannti, la n-nannu, la ommi, ħadd qatt ma semmieh dan l-isem. U għala hawn il-lapida tiegħu hawn isfel? U għala msakkra? Li naf li din il-kamra żgur kienet tiegħu.

Ħrigt barra mill-kamra. Ħarist lejn il-grada tal-ħadid li bdiet tfaqqa’ bir-riħ. Ħoss qawwi. Assumejt li dik kienet il-karba li ħsibt li smajt l-aħħar darba. U r-riħa ta’ baħar minn hemm kienet ġejja. Jidher l-baħar Mediterran fil-viċinanzi. Imbagħad wara għaraftu sew il-post. Jinfed max-xatt. Forsi b’hekk sakkritu n-nanna, minħabba xi biża’ li jidħol xi ħadd? Iżda fiex jidħol Salvinu? Dawn il-mistoqsijiet kollha stajt insib tweġiba għalihom minn post wieħed, imsomma, mhux post, imma persuna. In-nanna.

Sakkart kullimkien. Tlajt fuq. Wara xi kwarta nistenna. Ġiet in-nanna lura mill-quddies. Kif ġiet lanqas tajtha ċans tkellimni. Għidtilha “nann, ħa nkellmek”. Weġbitni bl-ikbar tbissima, “għidli sabiħa”. Bdejt nirrakonta u ngedwed fuq kollox li skoprejt. Spiċċajt bil-mistoqsija, “nann min hu Salvinu? Kif hemm kamra bil-ġugarelli tiegħu hemm isfel? U għala imsakkrin?”

Nannti bbalzmat. Tiċċassa lejja. It-tbissima bdiet itemm. Bdiet tinbidel għal wiċċ newtrali kważi mdejjaq. Arja ta’ melankonija daret magħha. Qisha telgħetilha għoqla fi griżmejha biex ħarġet il-kliem. Qaltli “ma nafx minn tak ir-rieda biex tinżel hemm isfel, imma la nżilt, ejja ħa ngħidlek…” Spjegatli kif Salvinu jiġi zijuwi. Sfortunatament miet meta kien żgħir. Kienet tħallih man-nannu jinżel hemm isfel. Tant kemm kien jieħu pjaċir jinżel ma’ missieru hemm isfel, li għamlulu kamra bil-ġugarelli apposta għalih. Hu jilgħab fil-kamra u n-nannu jaħdem fl-oħra. Bir-regola li ma jmurx ħdejn in-nannu meta jkun qed jaħdem b’għodda perikolużi. Darba waħda mar waħdu waqt logħba noli man-nanna. U bir-riħ qawwi li kien hemm minn barra, kollox beda jiċċaqlaq. Sakemm darba tela’ fuq sellum biex imiss l-ixkafef li kien qed jagħmel in-nannu. F’ħabta u sabta waqa’ fuq rasu u waqgħu l-ixkafef fuqu.

Qaltli li minn dakinhar ma baqgħetx tħossha l-istess. Ħassitha mitlufa. Sakkret hemm isfel kollu. Ma ħalliet lil ħadd jersaq l’hemm. Inkluż in-nannu. Għamlet il-kamra ta’ fejn kien jilgħab f’ismu iżda rari tersaq l’hemm isfel għax jaqbadha sens ta’ niket. Qaltli li għadha jiddispjaċiha s’issa x’ġara. U nfaqgħet tixred id-dmugħ. Mort fuqha u għannaqtha.

TMIEM.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese