fbpx

ROMANTIKU BLA TAMA – Storja miktuba minn Jenson Elsworth

Miktub minn
Reklam

Pawlu, ġuvni ta’ disgħa u għoxrin sena, minn dejjem kien l-aktar persuna bla tama fl-imħabba. Kieku xi darba kienet tiġih waħda tajba. Dejjem kien jipprova jsib tfajla biex timlilu l-vojt li ħadd qatt ma mlielu. Qabel dejjem kont tarah liebes il-griż. M’hemmx kulur ieħor li kont tarah bih. In-nies kienu jaħsbu li lanqas għandu ħwejjeġ oħrajn x’jilbes. Anke ma’ sħabu, qatt ma kien iħalli lilu nnifsu jieħu gost bħal li kieku jista’. Kien iħobb iqatta’ ħin waħdu, iżolat, kif ukoll xi drabi ma’ sħabu.

Maż-żmien inqalbet il-folja, ma jafx kif. Imma tfaċċat waħda. Għalih qisha waqgħet stilla mis-sema jew Alla sema’ talbu. Kienet il-mimmi t’għajnejh. Kien jixtrilha kull rigal ferm sabiħ bid-djamanti u fosos żgħar, jew xi basket tad-ditta għax f’tad-ditta biss kienet temmen. Kien jagħtiha kull attenzjoni li jistħoqilha u ferm aktar. L-attenzjoni żejjed li kien itiha beda jnaqqsu minn x’imkien ieħor. Kif probabbilment ġa ndunajtu, iva, naqqas il-ħin li kien iqatta’ ma’ sħabu. Għalih qisu ma naqqas xejn, għax lil Stella biss jara b’għajnejh. U lilha biss ried jara.

Min-naħa l-oħra, ovjament, sħabu jħossuhom traduti u użati. Qabel Pawlu dejjem magħhom kien jispiċċa, issa għax sab waħda farfarhom. Il-ftit li jkun magħhom, dejjem fuq il-mowbajl ikellimha. Fil-fatt bosta drabi jitfgħulu xi botta biex forsi jinduna x’inhu jagħmel, u meta ma joħodhomx jgħidulu direttament. Jaffaċċjawh bis-sitwazzjoni iżda dejjem jistaqsihom l-istess mistoqsija:

“Xi triduni nagħmel jekk hi l-għarusa tiegħi?”, iwiġiebhom b’ton emozzjonat.

Xebgħu jisimgħu dik is-sentenza. Mentalita’ komuni, prevalenti u kemmxejn iddisprata. Kif ukoll, jurihom biċ-ċar li jippreferi jissagrifika in-nuqqas tagħhom għal Stella.

Mill-banda l-oħra, Pawlu qed iħoss li qedgħin jindaħlulu wisq u qiegħed iġib din bħala skuża għaliex Stella aħjar minnhom. Magħha kollox ward u żahar, u magħhom dejjem b’xi argument ġdid.

Eventwalment jispiċċaw hu u Stella biss. Għall-ewwel iħossu fl-aħjar stat, għandhom kull ħin possibli flimkien. Li kellu f’moħħu magħha jista’ jagħmlu. Għalkemm wara numru ta’ ġimgħat, bdiet tiżviluppa toqba oħra f’qalbu, dik l-assenza ta’ sħabu. Ma damx mingħajr ma jimmisjhomx u d-daħk, il-praspar, iċ-ċajt, iż-żuffjett u ix-xalar. Meta kienu iqattgħu ħin għand xulxin, joħorġu jilgħabu bil-ballun u jmorru jqattgħu lejl ġewwa San Ġiljan.

Beda jħossu qiegħed jivga’ magħha. Tridu jagħmel kollox magħha, kull azzjoni. M’għandux naqra ħin waħdu. Apparti minn hekk, m’għandux lejn min idur biex jiftaħ qalbu jew jisvoga’. Jibda jirrealizza li għamel żball meta qata’ lil sħabu minn ħajtu. Mar jikkonfronta lil Stella dwar din is-sitwazzjoni, fejn spiċċat tirrikattah biex jagħżel bejnha u bejn sħabu, bla triq tan-nofs. Lil Stella jħobbha, iżda jimmisja lil sħabu wkoll.

Wara li dam jaħseb dwar x’se jagħmel, iddeċieda li jimxi wara x’tgħidlu qalbu. Beda jara ħafna indikazzjonijiet ta’ Stella matul il-mixja. Jara fjuri ħomor jixgħelu f’ħanut. Ċurkett li dejjem xtaqet Stella. Ħanut jismu Stella. Wara l-mixja kemmxejn twila, mar iħabbat bieb. Infetaħ. Pawlu tbissem. Kien hemm dell ta’ xi ħadd iħares lejh. Din il-persuna tbissmet lura.

Pawlu qal: “Kif intom ħbieb?”, jitbissem l-akbar tbissima li qatt kellu.

Sieħbu daħħlu ġewwa. Qalulu li mmisjawh ħafna, u vera grati li reġa’ ġie lura magħhom. Il-vojt li kellu ġewwa Pawlu sfixxa. Induna li m’għandux bżonn relazzjoni biex tintlielu ħajtu. Il-ħbieb huma biżejjed, u żżejjed!

TMIEM

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese