Kif kienet ħasbet John ma mar ifittex l-ebda għajnuna għall-problema li kellu. Wara erbat ijiem id-dar reġa’ beda joħroġ u jagħmel ix-xenati kull darba li jirritorna lura.
Din id-darba kien meħtieġ li tieħu azzjoni minnufih għalhekk qabdet u ċemplet għall-għajnuna u fi ftit jiem kien ser ikollhom l-ewwel appuntament. Hi kienet ħerqana biex jasal dak il-jum iżda żewġha xejn ma kien entużjast. Beda jara xi skuża ser iġib biex ma jmurx magħha u malli waslet il-ġurnata telaq ‘il barra u qabel tard billejl ma daħalx lura.
Stenniet fuq li stenniet imbagħad kontra qalbha ċemplet u ħassret l-appuntament. Kif ġie lura mid-dar ikkonfrontatu iżda hu flok taha raġun qalilha
‘’Il-Problemi tagħna kapaċi nsolvuhom waħidna. M’għandna bżonn lil ħadd biex jgħidilna x’għandna nagħmlu’’
‘’Kif ser insolvuhom? Kulħadd jheddidna minħabba l-flus li għandek tagħti’’
‘’Beħsiebni nfittex xogħol’’
‘’Imbilli ssib xogħol ma jfissirx li ser tkun għelibt il-vizzju. Jekk m’int ser tħalli lil ħadd jgħinek m’hemmx tama għal futur aħjar John’’
‘’Tkomplix teqred Connie. Għedtlek ser insib xogħol u daqshekk ma rridx nisma’ kelma oħra. Issa ejja aqlibli l-ikel għax bil-ġuħ’’
‘’Ftit ħobż bil-butir kull m’hemm’’
Għal kliemha sibel ‘’Dak issejjaħlu ikel? Mur ara x’ser tagħmilli għedtlek’’
Connie bdiet tibki ‘’Ma fadalx ikel, kollox spiċċa! Lanqas lit-tfal ma kelli x’nagħti. Xi tridni nagħmel aktar?’’
Kien ġa se jerfa’ jdejh fuqha mbagħad bħal donnu ġie f’tiegħu u ħareġ mill-kamra. Il-ġimgħat komplew għaddejjin u hi reġgħet ippruvat tiftaħlu għajnejh biex ifittxu l-għajnuna iżda hu ma riedx jaf. Darba minnhom kienet bit-tfal biex twassalhom l-iskola u hekk kif kienu ser jaqsmu karozza għaddiet sparata. It-tifel li kien miexi qabilhom spiċċa mtajjar. Lil dak tal-karozza għarfitu mill-ewwel, kien l-istess raġel li heddidhom f’darhom stess.
Għalkemm kien jaf min, John ma riedx jirraporta għax beża’ li tiġih agħar. Din id-darba Connie kienet lesta li titilqu u hekk kif it-tifel ħareġ mill-isptar marret tgħix għand oħtha ‘l bogħod minn żewġha. Ma kellux triq oħra ħlief li jammetti l-problema kbira li kellu għalhekk qabad u fittex l-għajnuna.
Issa kienu għaddew bosta snin u meta jħares lura ma kienx jemmen li dak il-bniedem kien hu stess. Connie kienet ħafritlu u meta kienet ċerta li għeleb il-vizzju tal-logħob reġgħet lura d-dar, din id-darba għal ħajja aħjar flimkien.