Allerġija jew intolleranza għal ċertu prodotti ta’ l-ikel?
Saret komuni li persuni jirrealizzaw li jbatu minn intolleranza għal ċertu prodotti ta’ l-ikel u ġieli saħansitra jkollhom bżonn ta’ bidliet drastiċi
fid-dieta tagħhom. Iżda bosta ma jafux id-distinzjoni bejn allerġija (food allergy) u intolleranza (food intollerance) għal xi prodotti alimentari.
Meta persuna tkun allerġika għal xi ikel, is-sistema immunitarja tal-ġisem tirrispondi għal dak l-ikel bħallikieku xi għadu li se jagħmel ħsara, u b’hekk tipproduċi kimika li tissejjaħ istamina (histamine).
B’rispons għal istamina, il-ġisem jiġġenera reazzjoni allerġika.
Is-sintomi ta’ reazzjoni allerġika għal xi prodotti ta’ l-ikel jinkludu:
- Qtugħ ta’ nifs
- Nefħa fil-wiċċ, il-ħalq jew l-ilsien
- Pressjoni baxxa
- Dardir u dijarea
- Ħakk kbir
- Raxx fil-ġilda
Dawn is-sintomi jistgħu jiżviluppaw f’ħin qasir jew fi ftit sigħat minn xħin jkun ittieħed l-ikel li jkun irreaġixxa l-ġisem għalih. Meta ir-reazzjoni tkun immedjatament nefħa u qtugħ ta’ nifs, din tiġi sitwazzjoni ta’ emerġenza li saħansitra tista’ tkun fatali.
Persuni li jkunu konxji li jbatu minn allerġiji gravi għandhom dejjem iġorru magħhom l-injezzjoni ta’ l-adrenalina, kimika li tirrilassa il-muskoli tal-pajp tan-nifs sabiex il-persuna tkun tista’ tieħu in-nifs u b’hekk toħroġ mir-riskju ta’ fatalita’.
Din l-injezzjoni tingħata taħt il-ġilda u għandha dejjem tiġi preskritta minn tabib. Tajjeb li jitqajjem aktar għarfien dwar din il-kundizzjoni medika u li l-persuni li jbatu minn dawn it-tipi ta’ allerġiji jinfurmaw persuni li jaħdmu magħhom jew li jiltaqgħu magħhom ta’ spiss biex f’każ ta’ emerġenza
jkunu jafu kif jistgħu jagħtu l-ewwel għajnuna.
Prodotti ta’ l-ikel li normalment jikkawżaw allerġiji bħal dawn jinkludu:
- Il-karawett
- Diversi tipi ta’ ġewż (lewż, walnuts, Brazil nuts, pistaċċa, pine nuts, cashews eċċ.)
- Frott tal-baħar (maskli, gambli, prawns, klamari eċċ.)
- Prodotti tal-qamħ
Ikel ieħor li possibilment jikkawża allerġija imma mhux gravi jinkludu:
- Frott bħall-frawli u banana
- Il-ħalib tal-baqar
- Bajd
- Prodotti tas-sojja
- Ħut
B’kuntrast ma’ allerġija għall-ikel, meta persuna jkollha intolleranza, din tista’ tieħu ammonti żgħar ta’ dan l-ikel mingħajr reazzjoni.
Is-sistema immunitarja tal-ġisem ma tirreaġixxix meta persuna tkun
intolleranti għal xi ikel u għalhekk is-sintomi huma inqas gravi iżda xorta xejn pjaċevoli.

Sintomi ta’ intolleranza għal xi prodotti ta’ l-ikel jinkludu:
-Dardir
-Dijarea
-Uġiegħ ta’ stonku jew ta’ żaqq
-Gass u nefħa
-Uġiegħ ta’ ras
Normalment l-aktar prodotti alimentari li persuni jbatu b’intolleranza għalihom jinkludu:
- Lattosju (lactose) li jinstab fil-ħalib u prodotti tal-ħalib
- Glutina (gluten) li tinstab fil-prodotti tal-qamħ
- Kaffeina
- Bajd
- Ħmira
- Kimiċi naturali u oħrajn miżjuda fl-ikel bħal aspartame, MSG u food colourings
Wieħed jista’ jikseb għarfien dwar liema ikel għandu intolleranza għalih permezz ta’ prick test li jsir f’bosta spiżeriji u kliniċi lokali.
Persuni li jbatu minn intolleranza għal lattosju jew il-glutamina jridu jaddattaw dieta li tikkonsisti fi prodotti alternattivi.
Dan huwa possibbli anka permezz ta’ pariri professjonali mingħand nutrizzjonista.
Huwa importanti wkoll li jinqraw sew it-tikketti ta’ l-ikel qabel ma jiġi ikkunsmat kif wkoll insaqsu fuq l-ingredjenti meta ma niklux mid-dar.
Il-gravita’ ta’ l-intolleranza tvarja minn persuna għall-oħra.
Persuni b’intolleranza moderata għal lattosju (lactose) jistgħu jieħdu supplimenti ta’ lactose enzyme, li jkisser il-lattosju qabel ma’ possibilment jiġi ikkunsmat ikel li jkun fih dan il-komponent.
Il-probijotiċi kif wkoll supplimenti tal-minta jgħinu wkoll sabiex jtaffu nefħa u sintomi gastrointestinali oħra ta’ intolleranza.
Tajjeb insemmi illi intolleranza għal xi prodotti ta’ l-ikel hija kundizzjoni distinta minn dik magħrufa bħala Irritable Bowel Syndrome (IBS), liema kundizzjoni nitkellmu dwarha f’artikli oħra.

L-Ispiżjara Kathryn Galea