fbpx

IL-ĦABIB ALESSANDRU – Storja miktuba minn Jenson Elsworth

Miktub minn
Reklam

Daniel ilu jipprepara tul ħajtu kollha għall-opportunità bħal din. Fetħet applikazzjoni għal xogħol li tant ilu jistenna. Xogħol ta’ ġurnalist mal-akbar kumpanija fil-gżejjer Maltin. Ġenerazzjonijiet ta’ ġurnalisti, pratikkament il-ġurnaliżmu qiegħed fid-demm tal-familja tiegħu. Minħabba f’hekk ġietu naturali li jimxi f’dan il-passaġġ u xtaq li jkompli t-tradizzjoni bħal l-antenati.

Għandu websajt fejn jippublika artikli dwar ġrajjiet kurrenti relatati mal-mużika, mal-politika, mal-attiviżmu tal-istudenti u dwar nies famużi. Kif ukoll, qiegħed irreġistrat l-Università fil-kors tal-ġurnaliżmu. Minħabba f’hekk, iħossu l-aqwa deċiżjoni għal din il-pożizzjoni.

Sieħbu Alessandru, dejjem kien ta’ sapport kbir. Fejn jaqa’ Daniel, ikun hemm Alessandru jiġbru, fejn jagħżaq isalvah, u meta jkun mimli dieqa, dejjem ikun hemm biex ibiddillu l-burdata għall-aħjar. Minn dejjem kien hemm għalih, minn ċkunitu. Kien kittieb ta’ stejjer kontemporanji u surreali, iħobb il-ġrajjiet kurrenti wkoll. Probabbilment hija waħda mir-raġunijiet għalxiex jaqblu hu u Daniel. Iz-ziju ta’ Alessandru jaħdem mal-kumpanija tal-midja li Daniel tħajjar biex japplika. Minħabba f’hekk, mal-ewwel ġietu l-idea biex jgħaddilu kelma ħalli jkollu ċans akbar. Iżda, Daniel ma kienx jemmen fl-għajdut ta’ mhux ‘kemm taf iżda lil min taf’, u m’aċċettax. Ried li jidħol bil-mertu tiegħu u ta’ ħadd aktar.

Alessandru jemmen li ħa jagħmillu hekk għal ġid tiegħu, b’hekk għamel fattih u qal lil zijuh dwar l-applikazzjoni ta’ Daniel. Zijuh assigurah li jgħaddilu kelma bil-qalb kollha. Qallu wkoll li jekk jieħu l-pożizzjoni ħa jkollu paga tajba ferm, xogħol stabbli, kollegi b’qalbhom tajba u ta’ għajnuna u l-impjegatur ġust u inkoraġġanti. Alessandru baqa’ ċċassat u ħosbieni. Ma basarx li xogħol daqshekk tajjeb.

“J’Alla jieħu l-pożizzjoni hu għax ħaqqu”, qallu Alessandru b’tbissima żgħira.

Xahar wara. Instema’ mowbajl. Daniel mimli ansjeta’ u biża’:
“X’se nagħmel?”, qallu b’ton panikuż.

Alessandru qallu biex jaqbdu, tant kemm ilhom jistennew flimkien, ma jridux jistenna aktar.

Qabdu. Fetaħ il-mowbajl. Wieġbu. Daniel ikkwieta aktar milli kien.

Alessandru baqa’ skantat.

“Tgħidlix?”… staqsieh Alessandru.

Kien hemm mument ta’ silenzju. Il-kamra vakanti mill-kliem. Il-mużika baxxa li kellhom għaddejja biss bdiet tinstema’. Jisimgħu n-nifs konstanti tagħhom. Is-silenzju beda jikber fil-fond.

“M’għażlunix… daqshekk, ħajti spiċċuta. Ale, il-ġurnaliżmu huwa ħajti. Issa, issa… x’se nagħmel? Qaluli li ntgħażel xi ħadd ieħor bi kwalifiki u attributi aħjar għax-xogħol”, qallu kważi mbikkem.

Alessandru beda jassigurah li huma qegħdin jitilfu ħaddiem bħalu mhux hu. Li hemm ħafna aktar kumpaniji akbar u aħjar. Qallu li ħa jkun miegħu għas-sapport. Lanqas laħaq spiċċa kliemu li ma daqqlux l-mowbajl lil Alessandru. Alessandru inħasad.

“Ħa jkolli mmur Dan, narak għada tajjeb?” qallu b’ton mgħaġġel.

U telaq. Daniel imkisser. Ma setax jemmen li l-akbar ħabib tiegħu ħa jħallih lampa stampa f’mument hekk.

“Jagħmel hu, għandu ħajtu wkoll hu”, qal Daniel b’ton sogħbin u mtertaq.

Min-naħa l-oħra, Alessandru qiegħed fuq il-mowbajl jitkellem.

“Grazzi zi, talli għintni. Opportunità u paga bħal dik ma stajtx inħalliha tgħaddi minn quddiemi mingħajr ma naħtafha. Din tibqa’ bejnietna e, Daniel qatt m’għandu għalfejn isir jaf, u jekk isir jaf dak jgħaddilu malajr. Narak it-Tnejn ix-xogħol”, qallu b’ħerqa.

TMIEM

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese