fbpx

L-emigranja

Miktub minn
Reklam

Ċertament li bosta huma dawk il-persuni li jbatu mill-kundizzjoni medika ta’ l-emigranja (migraine). Din il-kundizzjoni tipikament tikkawża uġiegħ gravi fuq naħa waħda tar-ras li jista’ jkun debilitanti.
Attakk ta’ l-emigranja aktarx ukoll ikun akkumpanjat minn sintomi oħra bħal dardir jew sensittivita’ għad-dawl jew għas-smiegħ.

X’inhuma il-fatturi li jistgħu jikkawżaw attakk ta’ l-emigranja?

– Teħid ta’ l-alkoħol jew xarbiet li fihom il-kaffeina bħal kafe’ jew energy drinks
– Stress
– Irwejjaħ jew dwal qawwijin 
– Bdil fit-temp/klima
– Ċertu tipi ta’ ikel bħal ġobon jew ikel ipproċessat
– Additivi ta’ l-ikel bħal MSG u aspartame
– Tibdiliet ormonali fin-nisa
– Ċertu mediċini 
– Nuqqas ta’ rqad

Huma erbgħa il-fażijiet t’attakk ta’ emigranja, iżda mhux bilfors li persuna tesperjenza kull fażi. 

L-ewwel fażi tibda sa minn jumejn qabel ma’ jibda l-attakk. Persuna tista’ tesperjenza xi wieħed minn dawn is-sintomi: 

– Xewqa għal xi tip ta’ ikel (food cravings)
– Stitikezza 
– Għebusija fl-għonq
– Bidliet fil-burdata 
– Sensazzjoni ta’ għatx aktar minn normal
– Titwib aktar frekwenti

Waqt it-tieni fażi magħrufa wkoll bħala aura, persuna jista’ jkollha problemi fil-viżta, tnemnim f’xi partijiet tal-ġisem jew saħansitra diffikulta’ biex titkellem.

It-tielet fażi huwa l-attakk innifsu, liema attakk jista’ jdum bejn 4 sa 72 siegħa jiddependi minn bosta fatturi. L-uġiegħ ikun pulsanti fuq naħa waħda tar-ras u jista’ tant ikun gravi li persuna jkollha timtedd fis-sodda f’kamra mudlama sakemm jibda jtaffi. 

Ir-raba’ fażi hija dik wara l-attakk, fejn persuna tibqa’ tħossha sturduta, għajjiena u tista’ ssofri uġiegħ hekk kif iddawwar rasha.

Wieħed irid joqgħod attent ħafna x’mediċini jieħu biex itaffi l-uġiegħ ta’ l-emigranja. Bosta persuni jkunu f’disprament sabiex itaffu s-sintomi  fl-iqsar ħin possibbli iżda ma rridux ninsew li kull mediċina għandha id-doża massima kif wkoll effetti mhux mixtieqa. 

Preparazzjonijiet ta’ mediċini għal uġiegħ jista’ jkollhom il-kaffeina, liema ingredjent jista’ jiggrava aktar l-attakk ta’ l-emigranja.

Hemm wkoll mediċini li jtaffu anka l-infjammazzjoni, magħrufin aħjar bħala non-steroidal anti-inflammatory drugs (NSAIDs) bħal ibuprofen, ketoprofen u diclofenac. Dawn il-mediċini ma jistgħux jittieħdu minn persuni li jbatu bl-ażma filwaqt li teħid frekwenti jew eċċessiv jista’ jikkawża problemi fl-istonku, il-fwied u jew jgħollu l-pressjoni fid-demm. Bosta preparazzjonijiet ta’ NSAIDs jinħtieġu preskrizzjoni ta’ tabib. 

Attakki frekwenti ta’ emigranja debiltanti għandhom jiġu riferuti għand tabib. Hemm għadd ta’ mediċini oħra li jistgħu jiġu preskritti għal dan.

Importanti bħal dejjem nisħaq li m’għandna qatt nagħtu mediċini lil persuni oħra mingħajr parir ta’ spiżjar jew tabib. 

Supplimenti li jistgħu jittieħdu sabiex titnaqqas il-frekwenza t’attakki ta’
l-emigranja jinkludu dawk tal-vitamina B2 (riboflavin), il-mineral manjesju kif wkoll l-estratt tal- ħaxixa feverfew. Huwa importanti wkoll li persuna tixrob biżżejjed ilma kuljum (minn ta lanqas żewġ litri).

L- eżerċizzju fiżiku, il-meditazzjoni/rilassament kif wkoll irqad suffiċjenti wkoll huma miżuri li jgħinu għal dan.

L-Ispiżjara Kathryn Galea

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese