fbpx

Il-Ħruq ta’ Stonku

Miktub minn
Reklam

Xi darba jew oħra kullħadd kellu uġiegħ jew sensazzjoni ta’ ħruq ta’ stonku. Dan jista’ jkun ta kultant jew aktar frekwenti.

Meta jkun ta’ darba, x’aktarx li jkun riżultat ta’ xi ikel jew xorb mhux
tas-soltu li inkunu ikkunsmajna.

Is-sintomi ta’ ħruq ta’ stonku jinkludu:

  • Tagħfis jew uġiegħ fl-istonku li jiggrava meta persuna timtedd
  • Ħruq fil-kanal ta’ l-ikel (oesophagus) partikolarment fejn jmiss ma’
    l-istonku
  • Togħma qarsa fil-ħalq

Bejn il-kanal li minnu jgħaddi l-ikel u l-istonku, hemm muskolu li jirrilassa u jiftaħ il-passaġġ meta persuna tkun qed tiekol biex b’hekk jinżel l-ikel, u jerġa’ jingħalaq ftit wara. F’każ li dan il-muskolu jibqa’ irrilassat jew jidgħajjef, l-aċtu mill-istonku jitla’ ‘il fuq u jirriżulta f’uġiegħ jew ħruq.
Dan jista’ jiġi ikkawżat wara xi ikla kbira jew skond x’tip ta’ ikel ikun ġie kkunsmat.

Ikel li ġeneralment jikkawża ħruq ta’ stonku jinkludi:

  • Ikel b’kontenut għoli ta’ xaħam
  • Ikel pikkanti (spicy)
  • Prodotti taċ-ċitru bħal lumi
  • Ikel b’kontenut tat-tadam bħal zlazi
  • Ikel moqli
  • Ċikkulata
  • Alkoħol jew xorb bil-kaffeina
  • It-tipjip

Obesita’, stress, it-tqala kif wkoll teħid ta’ għadd ta’ mediċini f’forma ta’ pilloli kuljum, wkoll jistgħu jikkawżaw ħruq ta’ stonku.

X’miżuri jistgħu jittieħdu sabiex nevitaw il-ħruq ta’ stonku?

Apparti li għandna nevitaw ikel li magħruf li jista’ jiggrava din
il-kundizzjoni, huwa importanti li persuna ma tikolx ikliet kbar tard
fil-ġurnata, tiekol bilmod u tomgħod sew kif wkoll ma timteddx immedjatament wara.

L-eżerċizzju fiżiku u nuqqas fil-piż żejjed wkoll jgħinu sabiex jittaffu is-sintomi.

Huma bosta il-preparazzjonijiet li jistgħu jinxtraw mingħajr bżonn ta’ riċetta ta’ tabib minn spiżeriji sabiex jgħinu li jittaffa l-ħruq ta’ stonku (antacids). Dawn huma disponibbli f’forma ta’ pilloli li tomgħod jew li jinħallu fl-ilma, kif ukoll misturi.
Huma jinnewtralizzaw l-aċtu fl-istonku. Biss dawn il-preparazzjonijiet idealment ma jintużawx ta’ spiss, kemm għal raġunijiet ta’ effetti mhux mixtieqa kif wkoll għaliex il-problema li tibqa’ tippersisti tkun tinħtieġ riferiment għand tabib.

Wieħed għandu jara tabib meta:

  • il-frekwenza ta’ ħruq ta’ stonku tkun aktar minn darbtejn f’ġimgħa
  • persuna jkollha diffikulta’ biex tibla l-ikel
  • ikun hemm sintomi ta’ dardir jew remettar
  • nuqqas t’aptit jew tnaqqis fil-piż

It-tabib jista’ jista’ jippreskrivi mediċini li jissejħu proton pump inhibitors – fi kliem sempliċi dawn il-mediċini inaqqsu il-livelli ta’ aċtu li jiġi ipproduċut minn ċelloli fl-inforra ta’ l-istonku.
Huma bosta il-persuni li huma fuq dawn il-mediċini, fosthom insemmu omeprazole, esomeprazole, pantoprazole. Dawn għandhom jittieħdu dejjem fuq parir ta’ tabib fil-frekwenza avżata.

Sintomi persistenti ta’ ħruq ta’ stonku jistgħu jkunu riżultat ta’ kundizzjoni li tissejjaħ Gastroesophageal reflux disease (GERD) kif wkoll ta’ għadd ta’ kumplikazzjonijiet oħra bħal

ulċeri fl-inforra ta’ l-istonku, kanċer jew infezzjoni fosthom possibilment mill-batterja Helicobacter pylori. Bosta testijiet huma disponibbli għal dijanjosi.

Nixtieq nieħu din l-opportunita’ sabiex nixtieq xewqat sbieħ lill-qarrejja għal dawn iż-żminijiet tal-Milied filwaqt li nibqgħu nieħdu ħsieb saħħitna!

L-Ispiżjara Kathryn Galea

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Reklam
Reklam
EnglishMaltese