fbpx

Ir-Rigal – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Kien wasal Diċembru u bħal kull sena Karen kienet tmur tixtri r-rigali kollha minn kmieni ħalli meta jasal il-waqt ikollha kollox ippreparat. Kienet kuntenta li nqdiet minn kollox biss kien fadlilha r-rigal t’ommha x’tixtri. Ġiet bejn ħalltejn x’ser taqbad tixtrilha u kien għadu ma ġieha xejn speċjali f’moħħha li lil ommha żgur jagħmilha ferħana.

Ġietha l-idea li tagħmlilha frejm b’ħafna ritratti tal-familja kollha meta kienu għadhom żgħar imma waqt li bdiet tqalleb fir-ritratti idea isbaħ ġiet f’moħħha. F’ritratt partikolari fejn kien hemm hi u ħutha żgħar kien hemm tifla oħra tamparhom li ma kinitx oħthom. Din it-tifla kien jisimha Nadia u kienet tgħix f’ istitut. Il-ġenituri ta’ Karen kienu jġibu lil Nadia ħafna drabi d-dar tagħhom u xtaqu anka jaddottawha imma ma rnexxilhomx għax il-qagħda finanzjarja ta’ dak iż-żmien ma kinitx tippermetti.

Ġara li darba koppja oħra urew interess fit-tifla u addottawha huma. Għalkemm omm Karen ferħet li sa fl-aħħar Nadia sejra ssib xortiha ma’ familja ġdida xorta sewdet qalbha ħabba li ma setgħetx tibqa’ taraha u tgawdiha. Minn dak iż-żmien ‘l hawn lil Nadia ma reġgħux rawha aktar imma omm Karen qatt ma nesiet lil din it-tifla grazzjuża.

Karen ħasbet biex tikkuntatja lill-istitut forsi jgħinuha  fit-tfittxija għal Nadia biex b’hekk tkun tista’ terġa tlaqqaha m’ommha. Dak il-ħin ċemplet lil ħutha l-oħra u qaltilhom bl-idea. L-għada marret l-isitut u urithom x-xewqa tagħha. B’xorti tajba saret taf li Nadia baqgħet viċin l-istitut u ta’ sikwit kienet iżżur lis-sorijiet u tagħtihom xi donazzjonijiet għalhekk kienet ser tkun faċli biex ikellmuha.

Ġimgħa wara kellha tmur għar-risposta u tgħidx kemm talbet għal risposta pożittiva. Kif waslet is-soru talbitha tistenna ftit u għaxar minuti wara dehret dieħla l-Madre ma’ mara oħra. Karen mal-ewwel għarfet li dik il-mara kienet Nadia u dlonk marret tgħannaqha magħha. Fi ftit kliem Nadia qaltilha li kienet lesta tiġi tiltaqa’ mal-familja kollha b’mod speċjali m’ommha.

U sa fl-aħħar il-jum tant mistenni wasal. Kollha kemm huma nġabru fil-kamra tal-pranzu tal-ġenituri ta’ Karen u hemm kulħadd beda jagħti r-rigali lil xulxin u jifraħ b’dak li jkun qala. Lil ommhom ħadd ma kien għadu tahha rigal u hi baqgħet kwieta tħares lejhom u tieħu gost tarahom jifirħu. Imbagħad kien imiss ir-rigal tagħha u għalhekk Karen ġibditha fin-nofs u qaltilha.

‘’Ma, aħna dis-sena ma nfaqnilekx rigali għoljin. Iftaħ dan ir-rigal u ara jogħġbokx’’

‘’Sewwa għamiltu, jien ngħidilkom ma toqgħodux tonfqu’’ Fetħitu u sabet il-frejm kollu ritratti.

‘’Għoġbok mama?’’ Qalilha binha.

‘’Ħafna ibni! Memorji sbieħ wisq, aħjar għadkom żgħar hekk’’

‘’Ħares sew lejn ir-ritratti mama u ara tiftakarx f’xi ħaġa jew f’xi ħadd’’ Qaltilha bintha l-kbira. L-Omm bdiet tifli r-ritratti u dlonk ftakret f’Nadia.

‘’Jaħasra, min jaf x’sar minnha. Qatt m’erġajt rajtha minn meta addottawha’’ Qaltilhom bid-dmugħ f’għajnejha.

‘’Mank nerġgħu narawha. Xi tgħid ma?’’

‘’Kieku aqta kemm ngħannaqha u nbusha, għalija kienet qisha binti wkoll. Bħalkom kont nistmaha’’

‘’Naf mama u napprezza dak kollu li għamilt miegħi fi tfuliti’’ Kif semgħet dan il-leħen ġdid ġej minn warajha kienet pronta dahret u hemm rat lil Nadia. Għalkemm kien għaddha ħafna żmien għarfitha mill-ewwel u t-tnejn li huma maru jiġru jgħannqu lil xulxin.

‘’Kemm immisjajtek binti, għadni s’issa nitlob għalik biex il-Mulej itik ħajja sabiħa kif jixraqlek’’

‘’Grazzi, jien ukoll ħsibt ħafna fikom, fik l-aktar mama imma nwegħedek li issa li erġajt sibtkom nibqa’ f’ħajjitkom u lilek niġi nżurek ta’ spiss’’.

Kollha kemm huma bkew bil-ferħ u mingħajr dubju dak kien l-isbaħ rigal li qatt setgħet irċeviet ommhom u Karen ħassitha ferħana li l-idea tar-rigal għamlet ħafna nies kuntenti.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese