fbpx

Il-Problema ta’ Jacob – Storja miktuba minn Mandy Cilia

Miktub minn
Reklam

Jacob kien għadu kif jagħlaq sitt snin, tifel kwiet u dejjem b’dik it-tbissima fuq fommu. L-għalliema tiegħu qatt kellhom xejn ħażin xi jgħidu fih għaliex dejjem kien tifel eżemplari.

Darba minnhom is-surmast tal-iskola daħallu rapport li Jacob kien qed iwaqqaf lit-tfal bejn lezzjoni u oħra u jitlobhom il-flus. Għall-ewwel ħaseb li l-għalliema li marret tagħmel ir-rapport ħadet xi żball.

‘’Int żgur li Jacob Tonna qed jistaqsi għall-flus?’’

‘’Iva surmast ċerta. Tlett itfal mill-klassi tiegħi qaluli l-istess kliem u ftit ilu smajt għalliema oħra jitkellmu fuqu wkoll’’

‘’Qed insibha diffiċli biex nemminha ħaġa bħal din għax Jacob huwa wieħed mill-aktar studenti eżemplari li għandna fl-iskola kollha. Qatt m’għamel ħaġa bħal din’’

‘’Forsi għandu xi problema surmast, ma naħsibx li dan huwa każ ta’ bullying għax it-tifel vera kwiet’’

‘’Naqbel miegħek fuq hekk. Tinkwieta xejn issa nibgħat għalih u nkellmu’’ u hekk għamel.

Malli daħal fl-uffiċju tas-surmast Jacob waqaf ħdejn il-bieb.

‘’Ejja poġġi hawn Jacob’’ Hekk għamel it-tifel.

‘’Ħa nistaqsik xi ħaġa u rridek tgħidli l-verità. Int qed titlob xi flus lill-istudenti l-oħra?’’

Għall-kliem tas-surmast Jacob baxxa rasu u ma tkellimx għalhekk reġa’ qallu

‘’Mhu ħa tgħidli xejn Jacob? Taf li ma tistax titlob flus hux vera?’’

‘’Iva naf’’

‘’Mela allura għaliex qed tagħmel hekk?’’ U reġa’ baqa’ bla tweġiba.

Is-Surmast kien determinat li jsir jaf x’għandu t-tifel.

‘’Il-Papà u l-mamà jafu li qed titlob il-flus lil sħabek?’’

‘’Le ma jafux’’

‘’U int xi trid tixtri b’dawn il-flus?’’

‘’Il-Flus mhux qed niġborhom għalija’’

‘’Mela għal min? Hawn xi ħadd qed jitolbok xi flus?’’

‘’Le, qed niġborhom għal oħti ż-żgħira għax ma tiflaħx ħafna. Il-mamà qaltli li għandhom bżonn ħafna flus biex oħti tkun tista tfieq u tibqa’ magħna. Jien ma rridix tmut għax inħobbha ħafna’’

Kliem Jacob ħalla lis-surmast bla kliem. Huwa qam minn postu u għannaq it-tifel miegħu.

‘’Tinkwietax Jacob issa nagħmlu ħafna attivitajiet u niġbru ħafna flus biex ngħinu lil oħtok imma l-importanti li tħalli f’idejja u inti ma titlobhomx aktar flus. X’taħseb?

Hawn Jacob tbissimlu u għamillu sinjal b’rasu li kien qed jaqbel miegħu. Is-surmast żamm kelmtu u kull attività li bdew jorganizzaw, il-qliegħ kien qed imur kollu għall-familja ta’ Jacob li tant kienu fil-bżonn u bis-saħħa t’hekk setgħu jsiefru biha u sa sena wara fieqet għal kollox.

Jacob kien jinsab kuntent mill-ġdid għax issa oħtu setgħet tattendi l-iskola fejn imur hu u hekk kienet ser tkun dejjem qrib tiegħu.

Reklam

Ixxerja din il-paġna

Share on facebook
Facebook
Share on twitter
Twitter
Share on linkedin
LinkedIn

Ara wkoll

Reklam
Reklam

Ipparteċipa f'TEK TEK

Għandek xi kitba, ritratti jew filmati? 

Ara wkoll

Reklam
Reklam
EnglishMaltese