Xi kultant lanqas temmen kemm tista’ tgħaddi minn affarijiet f’temp ta’ ftit xhur. Hekk kienet qed taħseb Vannessa hi u tħares lejn bintha rieqda fil-fond fis-sodda tagħha.
Kemm ferħu hi u żewġha malli saru jafu li kienet reġgħet ħarġet tqila wara l-korrament li kellha sentejn qabel meta kellha xahrejn tqala. Minn dak iż-żmien qisu b’xejn ma setgħet terġa’ toħroġ tqila sakemm fl-aħħar irnexxielhom.
Kollox kien miexi ħarir u l-ġimgħat saru xhur. Saret taf li ser ikollha tifla u kienet ferħana se ttir għax il-bniet minn dejjem kienu l-mimmi t’għajnejha.
Ġurnata fost l-oħrajn meta kellha madwar tmien xhur ħassitha għajjiena aktar mis soltu. Qamet bilmgħod minn fuq is-sodda biex tmur sal-kamra tal-banju u hekk kif tbaxxiet tara d-demm ma’ koxxtejha. Dak il-ħin iġġennet u ċemplet malajr lil żewġha.
‘’Ian ejja malajr, ġieni ħafna demm u ma nafx x’qed jiġri. Żgur korrejt!” Qaltlu hi u tibki.
Ian ċempel mill-ewwel biex tintbagħat ambulanza u ftit minuti wara kienu jinsabu fi triqthom lejn l-isptar. L-affarijiet xejn ma dehru sbieħ għaliex kienet ġietha emoraġija u laħqet tilfet ħafna demm.
It-tabib qalilhom ċar u tond ”Aħna ser nagħmlu dak kollu li hu possibbli iżda jista’ jkun li niltaqgħu ma xi kumplikazzjoni u ma jkollniex kontroll fuqha.
Vannessa kellha qalbha maqsuma. Ma setgħetx temmen dak kollu li kien qed jiġrilha ”Jekk ikollkom tagħżlu, agħżlu t-tarbija! Lil binti rridha tgħix anke jekk ikolli nissagrifika ħajti għaliha jien”
Kienu siegħat ta’qtigħ il-qalb speċjalment għal Ian li ma seta’ jagħmel xejn ħlief li jistenna u jitlob lil Mulej biex iżomm idejh fuq martu u bintu. F’ħin minnhom ħareġ it-tabib u resaq lejh biex ikellmu.
”Irnexxielna Sur Vella. Il-periklu għadda u martek u bintek jinsabu qawwijin u sħaħ. Nifraħlek!”
Għal dik l-aħbar Ian għannaq miegħu lit-tabib u rringrazzjah ta’ kollox imbagħad talab biex jidħol jarahom. Malli daħal isib lil martu mgħannqa ma’ binthom. Kienet għajjiena imma dehret kuntenta.
”Ħsibtha ser tkun l-agħar ġurnata ta’ ħajti biex issa nbidlet fl-isbaħ waħda għax twieldet il-ġojjell tagħna. Sa fl-aħħar sirt omm!” Qaltlu hi u tħares lejn bintha.
Dak il-ħin bintha Chloe qabdet u tibki u Vanessa waqfet mill-ħsibijiet ta’ sena qabel. Kif refgħetha tatha bewsa fuq moħħha u qaltilha ”Għażiża binti, bis-saħħa tiegħek din is-sena ser inkun nista’ niċċelebra jum l-omm għall-ewwel darba. Kif inħares lejk ninsa dak kollu li għaddejt minnu fl-imgħoddi għax int sirt kollox għalija. Inħobbok wisq!” U kif qalet dan il-kliem marret fil-kċina biex tisqiha l-ħalib.